“Jeħtieġ li sseħħ evoluzzjoni u tiġdid tas-settur tal-kostruzzjoni u tal-iżvilupp tal-bini biex ikollna kwalità aqwa u nwieġbu għal dak li qed jgħidulna n-nies dwar dawn l-oqsma. Jeħtieġ bidla biex dan is-settur ikun aktar sostenibbli.” Dan qalu l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-miżuri tal-Budget 2023.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li s-settur tal-kostruzzjoni jeħtieġ inħarsu lejh minn dimensjoni differenti fejn naraw kif l-entitajiet li jipprovdu servizzi konnessi mas-settur ikunu tassew qed jaqdu lin-nies u l-aspettattivi tagħhom.
Huwa spjega li l-ministeru għaddej b’ħidma ta’ konsultazzjoni mal-organizzazzjoni Maltija ESG Platform u li qegħdin jiġu diskussi aġġornamenti meħtieġa fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni biex tintlaħaq effiċjenza enerġetika f’kull binja ġdida u anke f’bini li jkun qed jiġi rrinnovat. Huwa qal illi l-banek se jkunu qegħdin jagħtu każ dan il-fattur f’kull deċiżjoni li jieħdu għall-finanzjament ta’ proġetti u kif huwa importanti li l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji, jibdew jinfurmaw lill-klijenti tagħhom kif se jkun qed jinbidel ix-xenarju tal-finanzjament ta’ kull tip ta’ bini.
Meta tkellem dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega l-ħidma li għaddejja, li tinkludi l-iffinalizzar ta’ diskussjonijiet, fosthom mal-Kamra tal-Periti, ħidma fuq l-ewwel abbozz tal-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini li se jkun jittratta t-twaqqigħ, skavar u strutturi. Kif jitlesta dan il-Kodiċi se jmur għall-konsultazzjoni pubblika. Dwar l-iskema “Irrinova Darek”, li tħeġġeġ riġenerazzjoni sostenibbli ta’ bini residenzjali, l-awtorità qed tevalwa aktar minn mitt applikazzjoni taħt din l-iskema li permezz tagħha sidien se jingħataw sa massimu ta’ €15,000.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar ukoll li wasal biex jintemm il-proċess sabiex ikunu liċenzjati il-kuntratturi kollha li jmissu mal-industrija tal-bini, u li se tiddaħħal leġiżlazzjoni dwar skills card. Se jsiru wkoll emendi għal- Liġi tal-Kondominja.
Meta tkellem dwar l-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li din l-awtorità se tkun għaddejja b’ħidma sabiex ikunu aġġornati politiki dwar l-estetika flimkien ma’ miżuri li jħeġġu żvilupp aktar komprensiv, uniformi, u li jirrispetta aħjar l-ambjent urban ta’ pajjiżna. Huwa qal li qed jitkompla l-proċess ta’ evalwazzjoni ambjentali tal-politiki dwar l-ippjanar bil-għan li politiki ġodda jkunu jqarrbu aktar lejn l-obbligi nazzjonali marbuta mal-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima, u l-ambjent.Żied jgħid li qed ikompli javvanza x-xogħol fuq ir-reviżjoni tal-Istrateġija Spazjali dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, magħrufa bħala SPED, li dokumenti minnha mistennija jitressqu għall-konsultazzjoni pubblika matul is-sena li ġejja.
Dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li qedikunu studjati emendi għall-qafas leġiżlattiv li jirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Kompla billi qal li għandhom ikunu emendati r-regolamenti dwar il-kostruzzjoni biex, fost affarijiet oħra, jissaħħu r-responsabbiltajiet tal-klijenti u tal-sorveljaturi tal-proġetti.
Dwar id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi,matul is-sena li ġejja dan se jkompli jwettaq diversi proġetti mifruxa mal-pajjiż kollu bil-għan li jagħti dehra isbaħ lil-pajjiż, jipprovdi faċilitajiet għal kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin, u jikkollabora ma’ kunsilli lokali fuq proġetti għall-komunitajiet tagħna. Fost dawn il-proġetti hemm il-bini ta’ parkeġġ taħt l-art b’żewġ livelli fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali u l-organizzazzjoni taż-żona eżistenti tas-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali. Flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, ser tinbena binja ġdida li takkomoda ċentru tas-saħħa u librerija pubblika, filwaqt li se jsiru proġetti ta’ spazji miftuħa ġodda f’Ta’ Ramija fis-Siġġiewi u f’Misraħ San Nikola f’Ħaż-Żabbar.
“Il-ħidma tal-ministeru se tkun diretta biex flimkien mal-istakeholders kollha f’dawn is-setturi titfassal it-triq ‘il quddiem għal żvilupp aktar sostenibbli u jingħataw tweġibiet għal dak li qed jistennew in-nies”, temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.