Tissokta l-ħidma kontra l-immigrazzjoni irregolari

Il-Pulizija, bl-assistenza tas-Servizzi ta’ Detenzjoni, komplew għaddejjin b’raids marbuta mal-immigrazzjoni irregolari.
Wara li anke fl-aħħar ġimgħat saru diversi spezzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, kmieni s-Sibt filgħodu tkompliet din il-ħidma.
F’bosta spezzjonijiet li saru f’Buġibba u f’San Pawl il-Baħar il-Pulizija tkellmu ma’ diversi nies ta’ nazzjonalitijiet differenti. L-ispezzjonijiet saru fit-toroq, fuq waqfiet tal-karozzi tal-linja, kif ukoll f’residenzi fejn instab li jgħixu diversi persuni ta’ nazzjonalità barranija, u l-pulizija analizzat jekk fost oħrajn kinux fil-pussess ta’ dokumenti validi biex jgħixu f’pajjiżna.
Matul dawn it-tfittxijiet, il-Pulizija arrestaw dawn il-persuni wara li nstab li, fost oħrajn, kienu qed jgħixu Malta mingħajr id-dokumentazzjoni neċessarja, b’dokumentazzjoni skaduta, jew b’mod irregolari. B’mod immedjat issa jibda l-proċess biex dawn il-persuni ma jibqgħux f’pajjiżna.
Dawn l-operazzjonijiet spissi huma parti minn sensiela ta’ inizjattivi maħsuba biex jiġġieldu l-immigrazzjoni irregolari bħala parti minn strateġija mibnija fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn, u r-rilokazzjoni.
Inizjattivi bħal ta’ dalgħodu għandhom l-għan li jibagħtu messaġġ ċar li wieħed irid josserva l-liġijiet tal-pajjiż, inkluż fil-mod kif wieħed għandu jidħol f’pajjiżna.​​