L-ewwel politika nazzjonali u regolamenti għall-infrastruttura aċċessibbli mill-pubbliku għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi ġew mnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Ambejnt, l-Enerġija u l-Intrapriża u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS).
L-għan huwa li jipprovdi qafas ħolistiku għall-operat ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi li jkunu aċċessibbli mill-pubbliku u li jiftaħ is-suq għall-operaturi privati li jixtiequ jinvestu f’dan is-settur emerġenti. Investituri potenzjali jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur. Dan ma japplikax għall-operat ta’ charging points li ġew installati għall-użu personali jew għall-użu ta’ flotta ta’ vetturi ta’ entità – f’każijiet bħal dawn, mhux meħtieġa awtorizzazzjoni.
Biex jiġi ffaċilitat il-proċess, qed jitwaqqfu one-stop-shop u helpline, 144, bl-appoġġ ta’ Business First u Malta Enterprise.
“Bir-regolarizzazzjoni tas-settur, il-Gvern qed jiftaħ is-suq għall-infrastruttura ta’ chargers pubbliċi għall-operaturi privati, li jwassal għal żieda fis-servizzi provduti. Ir-regolamenti se jkunu qed jappoġġjaw l-ekomonija l-ħadra: hekk kif id-domanda tiżdied, se jkunu qed jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ green jobs,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.
Il-Ministru saħqet li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport hija waħda mill-pilastri ewlenin tal-pajjiż sabiex niksbu n-newtralità klimatika sal-2050.
Is-sena li għaddiet, il-Gvern kien ħareġ fost l-aktar tariffi vantaġġużi fl-Ewropa għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, u b’hekk ikompli jinkoraġġixxi l-użu tal-vetturi elettriċi. In-numru ta’ vetturi elettriċi u plug-in hybrids fit-toroq Maltin huwa stmat li żdied għal madwar 10,000 vettura. Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li, sal-aħħar ta’ Lulju 2022, il-vetturi elettriċi u plug-in hybrids kienu jammontaw għal 2.3% tal-karozzi kollha, dan b’total ta’ 9,452.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ REWS l-Ing. Marjohn Abela spjega kif il-politika u r-regolamenti l-ġodda se jkunu qed jinkoraġġixxu l-qalba mill-fossil fuels, u li jippermettu lill-pajjiżna biex isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-impenn lejn il-ħarsien tal-klima.
Informazzjoni Addizzjonali:
L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni hija disponibbli mis-sit elettroniku tar-REWS. Mal-applikazzjoni għandha titħallas miżata ta’ €500 li ma terġax tingħata lura. L-awtorizzazzjoni biex taġixxi bħala operatur ta’ charging points pubbliċi hija valida għal tnax (12) -il sena u tista’ terġa’ tiġġedded bi ħlas ta’ €500.
L-awtorizzazzjoni tista’ tinkiseb qabel l-installazzjoni ta’ kwalunkwe charging point. Madanakollu, il-persuna responsabbli mill-awtorizzazzjoni tkun obbligata li tirreġistra ċ-charging point/s aċċessibbli għall-pubbliku mar-Regolatur fi żmien ħmistax (15) -il jum mid-data tal-ikkummissjonar. L-operatur awtorizzat għandu jinnotifika wkoll lir-Regolatur fi żmien ġurnata mid-data tad-dekummissjonar taċ-charging point/s.
Il-formoli għar-reġistrazzjoni taċ-charging points tista’ titniżżel mis-sit elettroniku tar-REWS. Mar-reġistrazzjoni titħallas miżata ta’ €75 għal kull charging point u din terġa’ titħallas kull tliet snin mid-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni. It-tariffa t’awtorizzazzjoni dovuta għal kull charging point meta jiġi rreġistrat għall-ewwel darba tiġi kkalkulata pro-rata.
Kull deċiżjoni tar-Regolatur tista’ tiġi appellata lit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.
Għal aktar informazzjoni relatata ma’ dawn ir-regolamenti tista’ tibgħat email fuq [email protected].