Titnieda Skema ġdida ta’ Restawr ta’ Bini Antik fil-Belt Victoria

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda skema ġdida ta’ restawr ta’ bini antik fil-Belt Victoria, Għawdex, b’finanzjament totali ta’ €5 miljun minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Din l-iskema se tkun iffinanzjata taħt il-Prijorità għall-Iżvilupp Sostenibbli Urban, li l-Gvern iddedika b’mod esklussiv għal Għawdex permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), b’valur totali ta’ €58 miljun. Il-ħidma u l-ippjanar tal-proġetti u inizjattivi minn dan il-fond ilha għaddejja xhur fosthom permezz tad-Direttorat għall-Iżvilupp tal-Politika u Implimentazzjoni ta’ Programmi.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Bħala Gvern irnexxielna nittrasformaw il-Belt Valletta. Issa jmiss lill-Belt Kapitali ta’ Għawdex u n-nies tagħha biex igawdu minn dan il-finanzjament Ewropew. Però m’aħniex se nieqfu hawn. Fil-fatt, wara l-Belt Victoria, din l-iskema se tinfetaħ għal aktar irħula f’Għawdex. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ippjanar, qed timpenja ruħha u tippjana li tassenja fondi biex il-kumplament tal-pajjiż jibbenefika għal skemi simili ta’ restawr fir-reġjuni l-oħra ta’ Malta.”

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan huwa investiment kruċjali li jkompli juri l-impenn tal-Gvern lejn il-preservazzjoni tal-wirt storiku tal-gżira. “Bħala Gvern nemmnu bis-sħiħ fl-importanza u fl-impatt pożittiv li jingħataw fondi għal dawk l-inħawi storiċi u binjiet ta’ wirt storiku. Dan għaliex dawn l-inċentivi finanzjarji jħajru lin-nies ikomplu jirrestawraw il-faċċati tad-djar li tant isebbħu ċ-ċentri tal-irħula tagħna u l-proprjetajiet tagħhom.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li “djar residenzjali fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema. L-Awtorità tal-Ippjanar fil-futur qrib se jkollha numru ta’ skemi oħrajn għal kull reġjun simili għal din l-iskema imma b’mod aktar wiesa’ sabiex aktar persuni jsebbħu l-postijiet tagħhom u aktar first-time buyers jitħajru jixtru dawn il-postijiet.”

L-iskema fetħet illum, it-Tnejn 21 ta’ April, fejn dawk interessati jistgħu jibagħtu Espressjoni ta’ Interess online billi jżuru: https://registerformapplicants.pa.org.mt/

L-Espressjoni ta’ Interess tikkonsisti f’formola sempliċi li tista’ timtela online, u fi stadju inizjali mhux se jkun hemm il-ħtieġa li l-applikant iqabbad Perit.

Il-proprjetajiet residenzjali li jinsabu fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) tar-Rabat u li qatt ma bbenefikaw minn skemi simili tal-Awtorità tal-Ippjanar huma eliġibbli. Skont il-kategorija tal-binja:

  • Proprjetajiet fi ħdan il-UCA jistgħu jikkwalifikaw għal massimu ta’ €15,000

  • Proprjetajiet skedati grad 1 jew 2 jistgħu jikkwalifikaw għal massimu ta’ €25,000

Il-linji gwida tal-iskema se jiġu ppubblikati fuq is-sit uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar: www.pa.org.mt

Il-Ministru Camilleri ħeġġeġ lil kull min għandu propjetà fir-Rabat Għawdex li taqa’ fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana u jixtieq jirrestawra l-faċċata sabiex japplika għall-iskema li tħabbret illum. Huwa temm jgħid, “L-għan tagħna huwa fuq kollox li nkomplu nsebbħu l-bliet u l-irħula tagħna fost l-oħrajn permezz tal-preservazzjoni ta’ bini antik li jifforma parti mill-identità tagħna.”