Titnieda t-13-il edizzjoni ta’ Rockestra – Fl-10 ta’ Settembru bit-tema “I love rock ‘n’ roll”

Fl-10 ta’ Settembru li ġej ser issir it-13-il edizzjoni ta’ Rockestra, bit-tema “I love rock ‘n’ roll”.
Din l-edizzjoni tħabbret l-Erbgħa filgħodu fil-Palazz Verdala.
F’kelmtejn, id-direttur artistiku ta’ Rockestra Pawlu Borg Bonaci fisser kif wara l-edizzjoni b’differenza ta’ Rockestra tas-sena li għaddiet, din is-sena ser tkun edizzjoni speċjali fuq żewġ binarji hekk kif ser issir fiż-żona miftuħa tal-MFCC f’Ta Qali u b’udjenza bilwieqfa.
Huwa qal ukoll li din id-darba, id-divertiment ser jitkompla wara t-tmiem tal-kunċert ta’ Rockestra u ser ikun hemm ukoll il-possibilità li kull min jattendi, jixtri ikel u xorb.
Min-naħa tiegħu, id-direttur mużikali ta’ Rockestra Sigmund Mifsud esprima apprezzament lejn it-tim kbir li jaħdem volontarjament fuq Rockestra biex fl-aħħar mill-aħħar tingħata għajnuna lil bosta persuni li jibbenefikaw minn The Malta Community Chest Fund Foundation.
Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ Rockestra kien hemm il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li appellaw lill-pubbliku biex jattendi għal dan l-avveniment b’għan nobbli u li jippromwovi t-talent Malti.
Il-President ta’ Malta George Vella fisser dan l-avveniment bħala riflessjoni li filwaqt li l-pubbliku jkun qed jieħu gost, ikun qiegħed jgħin lil min hu fil-bżonn. Huwa rringrazzja lil kull min hu involut biex il-kunċert isir u awgura li jkun wieħed ta’ suċċess.
Fost il-kantanti li ser jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena hemm Kevin Paul, Moira Stafrace, Drakard, Ira Losco u Jotham.
Il-biljetti għal Rockestra jistgħu jinxtraw mis-sit showshappening.com. Għall-ewwel għaxart ijiem mit-tħabbira ta’ dan l-avveniment, wieħed jista’ jibbenefika minn offerta fuq il-bejgħ tal-biljetti.