Tittella’ b’suċċess edizzjoni oħra ta’ Rockestra.

It-13-il edizzjoni ta’ Rockestra u l-ewwel waħda li saret fil-beraħ fl-MFCC f’Ta’ Qali kienet suċċess tant li folla numeruża attendiet għall-kunċert dinamiku li matulu l-organizzaturi sellmu l-memorja tar-Reġina Eliżabetta II u fakkru l-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju.​
Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li baqa’ impressjonat bl-entużjażmu u bl-enerġija tal-artisti u tal-folla li kienet preżenti għal dan l-avveniment ta’ kalibru għoli organizzat b’tant dedikazzjoni u professjonalità. Il-President Vella qal li Rockestra reġgħet għaqdet lill-Maltin permezz tal-mużika waqt li kull min attenda għamel id-dover tiegħu li jgħin lill-Malta Community Chest Fund tkompli tgħin lil min tant għandu bżonn.
Id-Direttur Artistiku ta’ Rockestra, Paul Borg Bonaci, u d-Direttur Mużikali ta’ Rockestra, Mro. Sigmund Mifsud, qalu li jinsabu sodisfatti ħafna li l-avveniment kien sold-out u li dawk preżenti ħadu sehem b’mod attiv fil-kunċert bit-tema ‘I love Rock ‘n’ Roll’ bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u b’taħlita ta’ kantanti u mużiċisti Maltin. Qalu li jinsabu sorpriżi wkoll bir-rispons tan-nies għad-divertiment li ttella’ wara li ntemm il-kunċert, xi ħaġa ġdida li ġiet ispirata mill-kummenti ta’ wħud min-nies li attendew l-edizzjonijiet l-imgħoddija.
Il-President George Vella rringrazzja lill-artisti u lill-voluntiera kollha involuti biex dan l-avveniment ittella’ b’tant suċċess waqt li ħeġġeġ lill-pubbliku jkompli jieħu sehem fl-attivitajiet li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin biex jinġabru aktar fondi għall-Malta Community Chest Fund.