Is-Sibt filgħaxija, is-6 ta’Awwissu 2022, sar il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund. Din hija r-raba’ edizzjoni li ġiet organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella.
Kif hija t-tradizzjoni, il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu sar fl-ewwel Sibt ta’ Awwissu fil-ġonna tal-Palazz Verdala. Wara nuqqas ta’ sentejn, din is-sena kien permess li jsir iż-żfin, b’dawk kollha li attendew setgħu jiżfnu għall-mużika li pprovdiet il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta George Vella saħaq li l-għan aħħari ta’ dan l-avveniment huwa li jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li hija ta’ spalla għal ħafna persuni li sfortunatament jgħaddu minn żmien diffiċli minħabba kundizzjonijiet personali, soċjali jew ta’ saħħa. Il-President irringrazzja liċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv il-Markeżin Daniel De Petri Testaferrata, u lill-membri kollha tal-kumitat organizzattiv. Irringrazzja wkoll lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund is-Sur John Huber, lill-membri tal-Bordijiet Soċjali u Mediċi, u lill-ħaddiema għal-lealtà tagħhom lejn l-għanijiet umanitarji tal-fondazzjoni.
Huwa radd ħajr lil kull min attenda għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu u lil dawk kollha li taw sehemhom fl-organizzazzjoni tal-avveniment, b’mod partikolari lil kumpaniji varji li taw l-appoġġ tagħhom.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata wkoll irringrazzja lil kull min kien involut biex tittella’ b’suċċess edizzjoni oħra tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu.
Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu sar għall-ewwel darba fil-Palazz Verdala fl-1959, taħt il-patroċinju tal-Gvernatur ta’ dak iż-żmien Sir Guy Grantham u Laday Beryl Grantham u sar dejjem bi skop filantropiku. Mill-1971 ‘l hawn, il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu sar bil-għan li jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund u sal-lum għadu avveniment prinċipali fil-kalendarju tal-President ta’ Malta.