Il-Ministeru għal Għawdex organizza s-seba’ edizzjoni tal-Gozo Sports Awards fejn sportivi Għawdxin ġew ippremjati għall-avvanzi tagħhom f’diversi dixxiplini sportivi. Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wiegħed li kif sar f’dawn l-aħħar sentejn, l-investiment se jkompli u se jibqa’ għaddej anki fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv. “Tajna l-kelma tagħna li dan l-ikbar proġett bl-ikbar investiment fil-qasam sportiv f’Għawdex jitwettaq sabiex jibda jintuża mill-isportivi, miż-żgħażagħ u mit-tfal Għawdxin u hekk se jsir. L-ambizzjoni tagħna ġġagħlna nħarsu aktar ‘il quddiem u nibqgħu nsostnu l-ħidma tagħna”, qal il-ministru.
Clint Camilleri kompla billi qal li rridu nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu sabiex il-komunità sportiva Għawdxija tgawdi minn opportunitajiet u esperjenzi mill-isbaħ li minbarra li jnisslu sodisfazzjon personali jkomplu jxettlu l-kultura sportiva u fuq kollox isem gżiritna. Hawnhekk fakkar li dan is-sajf, għall-ewwel darba, Għawdex ingħaqad membru sħiħ fl-International Island Games Association sabiex mill-2023 jieħu sehem fil-Logħob tal-Gżejjer li se jsiru Guernsey. Huwa spjega li, “Dan huwa tragward importanti u aktar minn hekk l-isportivi Għawdxin għandhom l-opportunità li għall-ewwel darba jikkompetu fuq livell internazzjonali. Inħarsu ‘l quddiem sabiex l-atleti jmorru Guernsey mhux biss jikkompetu, imma għall-ewwel darba jġibu l-midalji lejn pajjiżna.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wiegħed li se jkompli jsostni lill-isportivi Għawxdin u temm billi awgura lil dawk li ħadu l-premjijiet u lill-isportivi Għawdxin kollha.
L-isportivi premjati kienu dawn:
1. Uffiċjal Tas-Sena
Rebbieħ: Dr Enzo Dimech
2. Tim Tas-Sena
Rebbieħ: Għajnsielem RedCoats Women’s Softball Team
3. Kowċ Tas-Sena
Rebbieħ: John Borg
4. Rikonoxximent għal Atleta attiv ‘il fuq minn 45 sena
Rebbieħ: Raymond Camilleri
5. Rikonoxximent għal Karriera Sportiva
Rebbieħ: Teddy Bajada
6. Rikonoxximent Speċjali – Special Olympics
Rebbieħa: Maria Pia Saliba
7. Żagħżugħa Promittenti
Rebbieħa: Hailey Ballucci
8. Żagħżugħ Promittenti
Rebbieħ: David Borg
9. Sportiv Tas-Sena
Rebbieħ: David Borg
10. Sportiva Tas-Sena
Rebbieħa: Michelle Dimech