Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia, nedew ktieb ġdid, 8000 Years of Water, A Maltese Story of Sustainability, li jirrakkonta l-istorja tal-produzzjoni tal-ilma f’Malta matul il-millenji.
Il-ktieb ta’ 500 paġna, miktub minn 15-il espert fil-qasam u mimli ritratti oriġinali ta’ postijiet madwar il-gżejjer Maltin li rari jidhru, jirrakkonta l-istorja ta’ pajjiżna, mill-preistorja sal-preżent.
Waqt li tkellmet dwar l-importanza li għandu l-ilma fis-soċjetà, il-Ministru Miriam Dalli rrimarkat li l-ktieb se jieħu lill-qarrejja tiegħu fuq vjaġġ ta’ skoperta tul l-istorja, dwar kif l-abitanti ta’ Malta rnexxielhom jirbħu l-isfidi u jassiguraw il-provvista tal-ilma.
Filwaqt li rrimarkat li l-ktieb hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li jiddokumenta b’mod komprensiv l-istorja sħiħa tal-ilma fil-gżejjer Maltin, hija rringrazzjat lil dawk kollha involuti fil-produzzjoni ta’ dan ix-xogħol.
Il-Ministru Dalli saħqet fuq l-importanza li l-gvern qed ikompli jagħti lis-settur tal-ilma. Dan jidher mill-isforzi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex iżżid l-ammont ta’ ilma ta’ kwalità li tipproduċi permezz tad-desalinizzazzjoni, filwaqt li tnaqqas kemm il-pressjoni li ssir fuq l-ilma tal-pjan kif ukoll l-ammont ta’ enerġija utilizzata fil-proċess tar-reverse osmosis. Dan, enfasizzat il-Ministru, hu marbut mad-determinazzjoni tal-gvern li jilħaq l-għanijiet ambjentali tal-pajjiż u tal-Unjoni Ewropeja.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bħalissa tinsab fl-aħħar fażijiet ta’ proġett kbir li se jgħaqqad l-impjant tagħha tar-reverse osmosis f’Pembroke ma’ numru ta’ ġibjuni f’Ta’ Qali, permezz ta’ mina taħt l-art. Il-proġett se jkun qed itejjeb b’mod sinifikanti t-togħma tal-ilma tal-vit fil-gżejjer Maltin billi jsaħħaħ il-potenzjal tat-taħlit tal-ilma li għandha l-Korporazzjoni.
Dan, flimkien ma’ proġetti oħrajn, fosthom dawk relatati mat-trattament tad-drenaġġ, il-provvediment ta’ New Water lis-settur agrikolu, it-tnaqqis ta’ leaks fin-network, u t-tnaqqis tal-overflow tad-drenaġġ – juri li l-vjaġġ tal-ilma f’Malta, bil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ser ikompli b’suċċess.
Fil-ġranet li ġejjin, il-ktieb ħa jkun għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba ewlenin kif ukoll online.