“Il-ħidma biex nirkupraw mid-daqqa li qlajna bħala riżultat tal-Covid hi opportunità biex intejbu l-qafas tal-politika tal-pajjiż. L-irkupru mill-Covid kif għidna diversi drabi hi opportunità unika biex nippjanaw turiżmu aħjar li ma jiddependix fuq numri kbar iżda li jkun jiffoka fuq il-kwalità. It-turiżmu mhux biss flus jiġġenera, imma ukoll impatti negattivi fuq ir-residenti”. Dan intqal minn Carmel Cacopardo Chairperson ta’ ADPD – The Green Party li flimkien ma Sandra Gauci, Deputat Segretarju Ġenerali tal-partit indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza ta’ Buġibba dwar it-turiżmu.
Sandra Gauci irreferiet għal dak li qalu diversi Ministri riċentement dwar ekonomija li tikber bl-addoċċ mingħajr ma tagħti każ il-konsegwenzi fuq l-infrastruttura tal-pajjiż u tal-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll. Nafu li s-servizzi bħal sptarijiet u l-skejjel diġa huma ffullati?
Gauci irreferiet għall-mira tal-Gvern li jerġa’ jġib lura t-turiżmu għal aktar minn żewġ miljun turist fis-sena: ċ-ċifri tal-2019 qabel faqqgħet il-Covid. “Prattikament ma tgħallmu xejn u se jibqgħu joffru l-istess vizjoni ta’ settur turistiku mibni fuq il kwantità u mhux fuq il-kwalità. Din hija ammissjoni indiretta li Malta mhix kapaci toffri turiżmu ta’ kwalità għaliex il-pajjiż tkisser u tkerrah frott ir-regħba ta’ klikka ta’ nies li ngħataw l-arja u qed jagħmlu kullimkien tagħhom,” qalet Gauci.
“Li kieku veru rridu ntejbu t-turiżmu ma nħallux postijiet bħal Buġibba li fih ninsabu llum u li hu suppost post turistiku intela’ bi krejnijiet kullimkien, li ftit li xejn se joffru jiem ta’ serħan, la lit-turist li jiġi Malta għall-btala tiegħu u l-anqas lill-Malti li qiegħed hawn is-sena kollha. Storbju, trab, telqa, bini ikrah, u traffiku ma jieqafx saru l-karatteristika tal-lokalitajiet tagħna b’ekonomija ibbażata fuq bini bl-addoċċ u bla rażan u minn fuq dahar il-ħaddiema biċ-cheap labour,” temmet tgħid Gauci.
Carmel Cacopardo qal li hemm bżonn li ma nibqgħux inqisu lit-turiżmu biss mil-lenti ta’ dawk li jaħdmu fih, inkella dawk li jinvestu fih. Irridu nibdew nagħtu każ ukoll tan-nies li jgħixu fil-lokalitajiet turistiċi. Sfortunatament l-awtoritajiet differenti, ibda minn dik tat-turiżmu u kompli f’dik tal-ippjanar, xejn ma jagħtu każ tan-nies. Dejjem, u kważi bla eċċezzjoni, ipoġġu lill-flus, u lin-nies tal-flus qabel in-nies.
“Ħarsu ftit lejn il-bankini fil-postijiet turistiċi u ara jekk hux diffiċli li tgħaddi timxi minn fuqhom. Ir-residenti jridu l-bankini lura, għax il-bankini qegħin għan nies u mhux għall-imwejjed u għas-siġġijiet. Fiż-żoni turistiċi fejn jgħixu ukoll in-nies, minħabba li l-awtoritajiet taw il-barka tagħhom biex in-negozji jieħdu f’idejhom il-bankini hu diffiċli biex iddaħħal oġġetti tqal id-dar, bħalma f’numru ta’ każijiet sar diffiċli li toħroġ iż-żibel wara l-bieb qabel ma jgħaddi tal-iscammel,” qal Cacopardo.
Cacopardo irrerefera għal kif, f’dawn il-ġranet, ħareġ avviż kif joħroġ kull sena, biex bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru ma jkunx hemm xogħol ta’ skavar jew twaqqiegħ ta’ bini f’żoni turistiċi. Dan isir biex jonqsu t-trabijiet, storbju u inkonvenjent ġenerali f’żoni turistiċi. “Din is-sensittività hemm bżonn li tinfirex mal-pajjiż kollu u mhux tkun limitata għaż-żoni turistiċi għax f’kull parti tal-pajjiż hemm bżonn li l-industrija tal-bini tagħti każ tan-nies,” temm jgħid Cacopardo.
Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jibgħat email fuq: [email protected]