VisitMalta bi promozzjoni fil-World Blackball Championships 2022 ġewwa Franza

VisitMalta se tkun qiegħda viżibbli permezz ta’ reklamar u promozzjoni fil-World Blackball Championships li se jsiru fi Franza bejn it-8 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Ottubru li ġej. Hija se tkun rappreżentata minn kontiġent Malti li se jkun magħmul minn tliet timijiet fil-kategoriji tal-irġiel, tal-under 18s u ta’ ‘l fuq minn 40 sena.
Il-parteċipazzjoni tal-atleti Maltin se tintwera kemm fuq l-istazzjon nazzjonali kif ukoll fuq numru ta’ stazzjonjiet sportivi fi Franza, suq li din is-sena kien wieħed mill-aktar b’saħħtu f’dak li huwa wasliet ta’ turisti f’pajjiżna.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u l-President tal-Malta Blackball Federation Phillip Gatt.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif f’dawn l-aħħar xhur il-Gvern investa b’mod kontinwu,  bl-aħjar mezzi strateġiċi, biex jippożizzjona lill-Gżejjer Maltin bħala pajjiż li joffri esperjenza diversifikata għal kull turist li jiġi jżurna.
“Malta m’għandhiex tkun assoċjata biss max-xemx u l-baħar imma għandna potenzjal li, abbażi ta’ diversi niċeċ, nattiraw turisti ta’ kwalità. Fost dawn in-niċeċ hemm it-turiżmu sportiv. Kemm huwa sabiħ li r-reklamar ta’ Malta jsir minn sportivi lokali li jkun qegħdin jikkompetu f’isem pajjiżna,” kompla jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti biex il-promozzjoni tal-Gżejjer Maltin tibqa’ relevanti matul is-sena kollha. ​​​