Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippreżenta l-Warrants lil 17-il Avukat u Prokuratur Legali ġodda wara li dawn urew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.
Il-Ministru filwaqt li awgura lil dawn il-professjonisti legali ġodda, saħaq li kif jixraq il-proċess li jwassal għal għoti tal-Warrants huwa wieħed distint mill-Ministeru, imma bħala Ministeru jiġi offruta kull assistenza meħtieġa lill-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom u l-proċess ma jdumx aktar milli meħtieġ.
“Naċċertakom li aħna nkunu bħalkom qed nistennew dan il-mument, mhux biss għaliex nieħdu pjaċir niċċelebraw is-suċċess tagħkom, imma wkoll għax nagħrfu kemm hemm ħtieġa ta’ aktar professjonisti fis-settur tal-Ġustizzja,” qal il-Ministru Attard lil dawk preżenti għaċ-ċerimonja.
F’dan ir-rigward huwa semma l-livell ta’ investiment bla preċedent fir-riżorsi umani li qed isir fl-istituzzjonijiet kollha tal-Ġustizzja f’pajjiżna. Dan l-investiment qed ikun ikkumplimentat minn riformi leġislattivi sinifikanti, bl-aħħar minn sensiela tkun dik marbuta mal-inkjesti maġisterjali.
Huwa saħaq li r-riformi fis-settur tal-Ġustizzja qatt ma jkunu faċli, però l-Gvern determinat li jkompli jimplimenta riformi importanti u meħtieġa fis-settur. F’dan il-kuntest huwa rrefera għal riformi oħra li se jkunu qed jersqu għall-proċess leġizlattiv fil-Parlament, inkluż dik marbuta mal-proċess tal-kumpilazzjonijiet u abbozz ta’ liġi ieħor li jistabbilixxi l-ħolqien ta’ Qorti Kummerċjali Speċjalizzata.
Il-Ministru Attard semma wkoll il-ħidma li għaddejja biex jiġu evalwati aktar minn 70 sottomissjoni li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika, biex iservi ta’ bażi għall-emendi leġiżlattivi b’rabta mar-riforma meħtieġa fil-Qorti tal-Familja.
“Bħala Gvern aħna impenjati li nkomplu nkunu ta’ spalla għall-professjoni legali u għal dawk li se jkunu jfittxu s-servizzi tagħkom. Wettaqna ħafna ħidma però fadal ħafna xi jsir biex naraw li jkollna ġustizzja aktar effettiva bi proċeduri aktar effiċjenti,” qal il-Ministru Attard.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mis-Sinjorija tiegħu l-Prim Imħallef Mark Chetcuti, l-Avukat Cedrick Mifsud mill-Kamra tal-Avukati u l-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali Gerald Bonello.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, id-Deputat Avukat tal-Istat Dr Andria Buhagiar, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, Dr Vanessa Grech u rappreżentanti tal-kumitat tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali.