Wara dak li ġara l-bieraħ mill-Moviment Graffitti, Wayne Flask fuq is-sit soċjali tiegħu ta` “FaceBook” ta ħasla papali lill-Ministru Miriam Dalli u kiteb hekk
“KARTOLINA MINN ESTREMIST
Bonġu Ministru Miriam Dalli,
Dan hu ritratt meħud 24 siegħa ilu tal-Blue Lagoon f’Kemmuna, sit Natura 2000 suppost protett mill-Ministeru tiegħek (fost oħrajn), imnaddaf mill-preżenza ta’ sunbeds u umbrelel li kienu qed jokkupaw spazju pubbliku b’mod illegali.
Fin-nuqqas ta’ “entużjażmu” u “enerġija” minn ħames ministeri, inklużi tiegħek, sabiex jitreġġa’ lura dan is-serq mill-pubbliku, kellhom ikunu “l-estremisti” – kif sejjaħtilhom inti nhar il-Ħamis li għadda – biex jintervjenu u jagħmlu dak li suppost huwa xogħol l-awtoritajiet.
Dak li inti ssejjaħlu “estremiżmu” huwa fil-verità prinċipju, xi ħaġa li tliet kwarti minnkom fil-Parlament insew x’inhu.
Iddispjaċieni sew nisimgħek tgħid li dak li kien qed jitkellem dwaru Andre Callus – fosthom il-ħtieġa li jinbidlu l-policies – huma “blanket statements.”
Huwa ċar li r-realtajiet li jgħixu l-attivisti fil-qasam tal-ambjent inti ma tafhomx u knisthom ‘l hemm bis-soltu retorika tas-€700m investiment fl-ispazji pubbliċi.
Ilbieraħ, kellhom ikunu l-estremisti li mal-allegat paroli tagħhom żiedu l-azzjoni u għamlu dak li suppost għamiltu inti u l-kollegi tiegħek, inklużi ż-żewġt itfal bil-ħrieqi li jmexxu t-Turiżmu u ‘l Għawdex.
Filfatt sibna anke l-appoġġ ta’ kollega tiegħek fil-Parlament, u tal-kap tal-One li meta jfettillu jgħajjarna tradituri u meta jfettillu jfaħħarna. Ieħor minn dawk.
Biex insolvuha din tal-blanket statements, ejja npartu xogħolna għal ġimgħa. Wara ġimgħa fl-attiviżmu ejja lura b’lista ta’ każijiet ta’ żvilupp eċċessiv, serq ta’ art pubblika, illegalitajiet, spekulazzjoni… minn kollox, u għidilna inti stess għadniex nagħmlu blanket statements jew le. (Is-salarju tista’ żżommu inti: xogħolna nagħmluh bla flus.)
Għax jekk hemm blanket statement li qed isir, ġej mingħandek. Is-€700m fl-ispazji pubbliċi mhux se jreġġgħu lura l-ħsara li saret fl-aħħar 25, 30 sena, u mhux se jibbilanċjaw il-€500m li se jintefqu f’iżjed infrastruttura.
Kull tomna raba’ li tlifna bid-daqqiet ta’ gaffa mhux se tiġi lura bi ġnien f’Santa Venera; billi tonfoq iżjed flus fuq l-ambjent ma jfissirx li qed ittih prijorità. Dawk is-€700m mhumiex se jbiddlu l-viżjoni ġenerali ta’ pajjiżna fuq il-konsum u l-użu tal-karozzi; m’għandkomx il-kuraġġ tippruvaw tbiddlu l-affarijiet.
Eħfef taqbdu s-€700m u tqassmuhom fost il-benefatturi li għenukom tiksbu l-poter fl-2013, forsi jieqfu jiġu jħabbtu għand il-PA u l-Lands (jew Infrastructure Malta) biex dak li investew fih snin ilu jieħduh lura f’art pubblika – minn bankini sa bajjiet.
Diżappunt doppju tisma’ li l-NGOs ambjentali huma l-estremisti, speċjalment meta huma l-uniku front li fadal jiddefendi l-wirt naturali u iva, soċjali, ta’ pajjiżna. Taf ukoll li madwar mejda ltqajna u f’ebda mument ma tlabna ħabs jew giljottini, u d-djalogu fittxejnieh aħna.
Ħa nagħlaq b’dak li aktarx tqisu blanket statement, iżda huwa realtà wkoll: fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Ministru tal-Ambjent, Aaron Farrugia kien irreveda l-policy dwar il-pompi tal-petrol. Ħalliha li fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Ministru tat-Toroq wegħedna iżjed flyovers (kif mistenni), iżda inti, fl-ewwel mitt jum tiegħek, għadek ma tajtx nofs sinjal ta’ rieda tajba fil-konfront mhux tal-lobby, iżda tal-ambjent in ġenerali.
Kulma ħadna huwa skiet, nofs tweġibiet (Wied Żnuber, każ ewlieni), dubji fuq il-proġett tal-pannelli fl-Imġarr, u t-tgħajjira antika tal-estremiżmu li anke l-PN qata’ qalbu minnha.
L-għażla hi tiegħek, fl-aħħar mill-aħħar, tridx tkun Ministru iżjed kredibbli minn grupp estremisti.
Tislijiet mill-bunker.”