Aktar minn 80 persuna b’diżabilità qegħdin jesebixxu xogħlijiet ta’ arti f’wirja organizzata mill-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun, fis-Sede tal-każin tagħha. Din hija t-tieni wirja tax-xorta tagħha u diġà għaddej ix-xogħol biex f’Diċembru li ġej tittella’ t-tielet waħda.
Il-wirja, bit-tema KullUri, deskritta bħala wirja ta’ inklużjoni li qed tesebixxi l-arti, il-kapaċitajiet u l-kwalitajiet ta’ persuni b’diżabilità, ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.
L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni hija waħda minn diversi għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn skema ta’ fondi, Libertà Li Tgħix, maħruġa mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur. Permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqda investiet fl-infrastruttura tal-każin għal aktar aċċessibilità għal persuni b’diżabilità. Fondi u skemi oħrajn imnedija mill-ministeru qegħdin iservu biex issir differenza pożittiva u tanġibbli fil-komunitajiet.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet il-ħsieb tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni li torganizza inizjattivi inklussivi li jmorru lil hinn mill-għan mużikali tagħha, bħalma hija l-wirja KullUri, bħala eżempju ħaj tat-terminu inklużjoni.
“Din hija attività li qed tirrappreżenta żewġ prinċipji nobbli, il-volontarjat, kif rifless mid-diriġenti u l-membri ta’ din l-għaqda u l-aġġornar li qegħdin jintroduċu f’ħidmiethom biex b’mod prattiku jħaddmu l-prinċipju tal-inklużjoni. Magħhom ukoll is-sens ta’ kollaborazzjoni li l-għaqda qed tibni ma’ għaqdiet volontarji oħrajn biex b’mod kreattiv bħal dan verament jitħaddem il-prinċipju tal-inklużjoni,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca qalet li huwa sabiħ li l-inklużjoni fil-komunitajiet tagħna qiegħda sseħħ ukoll fil-mużika u fil-kultura, grazzi għal nies ta’ impenn bħal dawk tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni. Il-President Emeritu qalet li jekk inkomplu ningħaqdu fis-sehem u d-dmir tagħna bħala poplu, allura nkunu qegħdin nassiguraw inklużjoni effettiva fil-komunitajiet tagħna.
L-Assistent Segretarju tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Raphael Scerri spjega kif din hija t-tieni wirja minn fost tliet wirjiet li qed jittellgħu biex jingħata spazju lill-persuni b’diżabilità biex jesebixxu t-talenti u l-abilitajiet tagħhom. Is-Sur Scerri appella għal artisti oħra biex jingħaqdu għat-tielet wirja li se tinfetaħ il-Ħamis 1 ta’ Diċembru. Min jixtieq jipparteċipa għandu jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq 79000490.
Fl-inawgurazzjoni tal-wirja ħadu sehem ukoll mużiċisti mill-Iskola tal-Mużika Villa Bianca, l-ewwel skola tal-mużika f’Malta għal tfal u żgħażagħ b’abbiltajiet differenti, immexxija mill-Malta Trust Foundation.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħadd 2 ta’ Ottubru 2022. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma l-Ġimgħa 30 ta’ Settembru bejn il-5:30 p.m. – 8:30 p.m., is-Sibt 1 ta’ Ottubru bejn il-5:30 p.m. – 8:30 p.m. u l-Ħadd 2 ta’ Ottubru bejn 9:30 a.m. – 12:00 p.m. u l-5:30 p.m. – 8:30 p.m.