Xjentisti minn NASA GeneLab ser jgħinu lil Malta fl-industrija spazjali u ffirmat ftehim biex akkademici Maltin iwettqu riċerka f’Università rinomata.

Pajjiżna saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ NASA biex jiżdiedu l-esperimenti spazjali minn xjentisti Maltin u biex jiġu identifikati niċeċ partikolari fl-industrija spazjali li Malta tista’ tirnexxi fihom. Dan kien ikkonfermat permezz ta’ diskussjonijiet li s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti kellu fiċ-Ċentru ta’ Riċerka tan-NASA Ames f’Silicon Valley, Kalifornja. Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti kien akkumpanjat mill-Professur tal-Università ta’ Malta  Joseph Borg, li kien responsabbli għall-ewwel esperiment spazjali ta’ Malta, il-programm Maleth.
Matul iż-żjara tagħhom fil-GeneLab taċ-Ċentru ta’ Riċerka ta’ NASA Ames, id-delegazzjoni Maltija ġiet mistiedna biex turi l-ħidma tal-programm Maleth. Fil-programm Maleth intbagħtu ċelloli tal-ulċeri tas-saqajn ta’ persuni bid-dijabete fl-Istazzjon Spazjali Internazzjonali. Għal dawn l-aħħar sentejn, il-Professur Joseph Borg irrappreżenta lil Malta fis-sezzjoni ta’ NASA li tiffoka fuq il-bijoloġija spazjali. Fil-GeneLab id-diskussjonijiet komplew dwar it-tisħiħ ta’ sħubija eżistenti bejn din l-istituzzjoni u akkademiċi bbażati f’Malta. Id-diskussjonijiet, immexxija mis-segretarju parlamentari, wasslu għal qbil biex jintbagħtu riċerkaturi Maltin fuq apprentistat ta’ sitt xhur ma’ NASA Gene Lab f’Kalifornja, biex ikun organizzat bootcamp dwar is-suġġetti tax-xjenza (STEM) mill-istess istituzzjoni f’Malta kif ukoll biex NASA torganizza konferenza f’pajjiżna.
F’impenji oħra, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ma’ Illumina u żaret l-uffiċini tagħhom kif ukoll l-istartup accelerator li għandha f’Foster City li jiffoka fuq l-oqsma tal-Life Sciences. Illumina hija magħrufa globalment għall-aqwa apparat tal-genome sequencing. Ma’ Illumina Accelerator ġie diskuss ukoll ix-xogħol li qed jagħmel pajjiżna taħt il-kappa ta’ StartInMalta biex tingħata għajnuna lil startups lokali kif ukoll biex jiġu attirati startups internazzjonali lejn Malta.
Waqt iż-żewġ laqgħat is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti ppreżenta l-istrateġija Smart Specialisation ta’ Malta u l-Istrateġija Nazzjonali Spazjali li għandha twassal għall-ewwel Att Spazjali Malti.
“Aħna nemmnu li l-industrija spazjali tista’ ssir kontributur ġdid għall-ekonomija Maltija u ninsabu determinati li nagħmlu l-passi strateġiċi kollha biex nikkontribwixxu f’qasam li qed jevolvi b’pass tant mgħaġġel. Dan kien l-għan prinċipali taż-żewġ laqgħat li konna involuti fihom fin-NASA u l-Illumina. Bħala segretarju parlamentari responsabbli mis-settur taż-żgħażagħ jien sodisfatt ukoll li ftaħna opportunitajiet ġodda għall-apprentisti u boroż ta’ studju fi ħdan l-entitajiet prestiġjużi bħal NASA GeneLab u Stanford”, qal Keith Azzopardi Tanti.
Id-delegazzjoni Maltija kellha wkoll laqgħat fl-Università ta’ Stanford, speċifikament mal-Professur Joseph Wu li jmexxi l-Istitut Kardjovaskulari ta’ Stanford. Hawnhekk inkiseb ftehim ieħor li ser jissarraf fi programm ta’ opportunitajiet ta’ studju fit-tul għall-professjonisti żgħażagħ Maltin biex iwettqu riċerka post-dottorat fl-Università ta’ Stanford, waħda mill-aktar universitajiet prestiġjużi fid-dinja.
Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi wkoll lil Anthony David Gatt mill-Malta Enterprise, l-entità governattiva għall-iżvilupp ekonomiku u l-promozzjoni tal-investiment u li qed tmexxi l-inizjattiva nazzjonali StartInMalta.​​