Żewġ miljun flixkun tal-plastik fis-sena se jkunu ffrankati grazzi għal water dispensers

Maż-żewġ miljun flixkun tal-plastik fis-sena qed ikunu ffrankati grazzi għall-inizjattiva tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (il-WSC) fejn installat mijiet ta’ dispensers tal-ilma f’postijiet differenti, bħal skejjel pubbliċi u l-Isptar Mater Dei. ​
Sa issa diġà ġew installati ‘l fuq minn 300 dispenser. Sal-aħħar tas-sena se jiġu installati 210 water dispenser oħra. Fl-Isptar Mater Dei ġew installati 115 il-dispenser għall-użu tal-pubbliku b’xejn. Huwa stmat li minn Mater Dei biss ġew iffrankati ‘l fuq minn 711,000 flixkun tal-plastik.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Ricerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima faħħru din l-inizjattiva li hija waħda li tħalli impatt pożittiv kemm fuq is-saħħa kif ukoll fuq l-ambjent.
Il-water dispensers jaħdmu b’mod awtomatiku, kemm wieħed ipoġġi flixkun fid-dispenser u dan jimtela’ waħdu bl-ilma. Għaldaqstant jitnaqqas ir-riskju ta’ tixrid ta’ mikrobi.
“Permezz ta’ dawn il-water dispensers qed noffru ilma ta’ kwalità għolja filwaqt li nħeġġu l-użu ta’ reusable water bottles. Fil-fatt, dan l-investiment jfisser li qed nużaw żewġ miljun flixkun tal-plastik inqas fis-sena. Barra minn hekk, qed inħeġġu l-użu tal-ilma li huwa aktar ta’ ġid għas-saħħa minn xorb ieħor,” spjegat il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Clifton Grima qal li din hija inizjattiva oħra li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall- Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li fiċ-ċentru tagħha hemm l-edukazzjoni marbuta mas-saħħa tat-tfal, kif ukoll l-għarfien biex nieħdu ħsieb l-ambjent.
“Irridu nkomplu nedukaw dwar il-bżonn li nieħdu ħsieb saħħitna minn età żgħira, u dan qed nagħmluh b’diversi inizjattivi, fosthom edukazzjoni dwar l-ikel u x-xorb li jikkunsmaw it-tfal u l-bżonn ta’ aktar attività fiżika,” sostna l-Ministru Grima.
Dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ proġetti li qed tagħmel il-WSC biex tkompli toffri servizz ta’ kwalità lill-konsumaturi.  Fl-istess waqt il-WSC għaddejja b’ħidma kontinwa biex ittejjeb il-kwalità tal-ilma tal-vit madwar il-gżejjer Maltin.
Għal din iż-żjara fil-Kulleġġ San Benedittu – Skola Sekondarja, kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-WSC Karl Cilia u l-Prinċipal tal-Kulleġġ San Benedittu Roberta Argento.