Baraxx ta’ parkeġġi riservati illegali fis-Siġġiewi

Allegazzjonijiet serji dwar trattament preferenzjali fl-għoti ta’ parkeġġi u ‘disabled bays’ mhux skond il-liġi.

Jidher li parkeġġi illegali, speċjalment ‘disabled bays’ u ‘loading/unloading’, qed jiġu maħluqa b’mod abbużiv. F’Triq Dun Anton Vella biss, ġew miżjuda 3 ‘disabled bays’ u 1 ‘loading/unloading’ addizzjonali qrib xulxin, lil hinn minn dak permess mil-liġi.
Rapporti ma’ Transport Malta kkonfermaw li dawn il-parkeġġi huma illegali u abbużivi. Problema simili teżisti madwar ir-raħal kollu, fejn ħafna parkeġġi illegali ġew ipinguti riċentament. Dawn qed joħolqu żbilanc u trattament preferenzjali fost ir-residenti, fejn min għandu ħbieb fil-kunsill qed jikseb vantaġġ.
B’dan l-aġir, il-kunsill qed jaqbeż il-proċeduri tal-awtorità kompetenti, u bniedem ġenwin jista’ jsofri minħabba l-abbuż ta’ awtorità pubblika u ksur possibbli ta’ liġi kriminali u drittijiet fundamentali.
Fil-lokalità tas-Siġġiewi, suppost hemm 45 parkeġġ awtorizzat iżda ħafna minn dawn inbidlu jew ġew personalizzati illegalment, b’total ta’ 69 parkeġġ, fejn aktar minn nofshom huma illegali. L-abbuż qed jikkawża inġustizzja fost ir-residenti, b’parkeggi illegali u bollards mhux awtorizzati li joħolqu perikli.
Minkejja li l-abbuż ġie rrappurtat, għad m’hemmx azzjoni minn Transport Malta jew il-kunsill lokali.
Miktub mill-ġurnalista
Gerald Fenech.