5 ta` Mejju 2022.
MeadowStrings Kitbu hekk fuq il-youtube channel tagħhom kif ukoll fuq il-paġna ta` Facebook.
“Wara s-suċċessi li kellna tal-kanzunetta tagħna fil-festival “Għanja tal-Poplu 2021” bil-kanzunetta “Niftakar” fejn ħadna t-tielet post għall-aqwa kanzunetta u l-ewwel bħala kantawtur iddeċidejna li nagħmlu kanzunetta oħra bil-Malti. Din hija t-tielet kanzunetta tagħna bil-Malti.
Din il-kanzunetta hija magħmula bl-intenzjoni li n-nies jgħixu ħajjithom bis-sħiħ. Il-bnedmin iridu jgħixu ħajjithom kuljum u ma jaħsbux wisq ‘il quddiem għar-raġuni li l-ħajja hija qasira wisq. Kif tistgħu taraw, il-fjura tirrappreżenta l-ħajja tagħna u l-petali huma s-snin ta` ħajjitna.
Din il-kanzunetta nkitbet waqt il-pandemija tal-covid u għalhekk tagħmilha aktar speċjali minħabba li n-nies tilfu ħafna jiem u xhur minn ħajjithom magħluqin ġewwa. Nittamaw li din il-kanzunetta ġġegħelna naħsbu ‘l quddiem u ngħixu ħajjitna bis-sħiħ u ferħanin jum b’jum.
Il-video u l-kliem ta’ din il-kanzunetta kif ukoll il-mużika huma originali u magħmula mill-membri tad-duo band MeadowStrings”.
Lirika: Kliem u mużika huma ta` Mario Camilleri, membru tald-duo band, fil-waqt li l-vuċijiet kif ukoll il-“backing vocals” u l-arranġamenti tagħhom huma tal-kantanta u mużiċista Magdalene Farrugia. Din id-darba u għal-ewwel darba minn kemm ilha l-band, Mario Camilleri qed ikanta din il-kanzunetta. Din hija l-ewwel esperjenza ta’ Mario bħala kantant solista ġewwa ‘recording studio’.
Reġistrazzjoni u produzzjoni saret għand Augusto Cardinali.
Hawn tispikka l-orġinalita ta’ din il-kanzunetta fejn għal tliet darbiet hemm “Parlant” qabel kull vers u messaġġ li jindirizza b’mod ċar imma b`użu metaforiku lil udjenza li se tismagħha. Hemm emfażi fil-kor fejn qed jinkoraġġixxi lill-bniedem jgħix jum b’jum u ma jinħeliex fuq ħsebijiet għall-ġejjieni. Ta’ min iqis sew il-kliem fejn jgħid eżatt hekk: “għix il-jum daqs li kien l-aħħar jum” fejn b`mod metaforiku ikompli jgħid “iżfen u gawdi fir-riħ jew fix-xita”
Ikun tajjeb li wieħed jiżen il-lirika f’din il-kanzunetta u biex inkunu nistgħu naħsbu ftit u ngħixu l-ħajja jum b’jum.
Ikklikkja fuq il-link hawn taħt biex tara l-vidjow tal-kanzunetta
Lirika:
GĦIX IL-ĦAJJA
Il-ħajja tibda mat-tnissil għal xi uħud mat-twelid,
Għalkemm nitwieldu ħafna ma jafux jgħixu, jgħixu biss biex jeżistu.
Il-ħajja bħal daħna tinġarr mar-riħ, silġa fix-xemx dejjem tiċkien
tiġri daqs vleġġa li toħroġ mill qaws, sa ma` tidħol tistrieħ ġo njama fil-qiegħ.
Ma jarafx il-waqfien jew inkella il-mistrieħ, li kieku kellu jieqaf jissejjaħ bla tmiem.
Għix il-lum daqs li kien l-aħħar jum
iżfen u gawdi fir-riħ jew fix-xita
maltemp jew bnazzi Alla jaf meta
illum, illum, għix il-jum, illum, għal-lum.
Għandek x’għandek u għandek kemm għandek flus ftakar
li fil-kaxxa għarwien ser iniżżluk. Tibqax skjav.
Il-bniedem li jaħdem u jgħix ghal flus, minn xogħol għal xogħol jitkisser kuljum.
Ieqaf u ħares ilmaħ fil-bogħod, ħares fil-mera u ara xi tħoss.
Il-mixja li titlaq li taf li tispiċċa, titwieled biex tgħix, tgħix biex tmut.
Għix il-lum daqs li kien l-aħħar jum
iżfen u gawdi fir-riħ jew fix-xita
maltemp jew bnazzi Alla jaf meta
illum, illum, għix il-jum, illum, għal-lum.
Ftakar li ż-żmien ma tixtriħx u dak li titlef m’għandux prezz.
Tibqax imsakkar ġo kaxxa. Oħroġ itawwal, imraħ fil-ġnien.
Staġun wara l-ieħor igerrbu s-snin, ħadd ma jmur lura għal dak li kien
Il-qamħa tinżera la jasal żmienh,a mix-xafra tal-minġel titwarrab min-nofs
biex it-tibna li taqa` tħallas lil art, tintilef mar-riħ minn trab issir trab.
Għix il-lum daqs li kien l-aħħar jum
iżfen u gawdi fir-riħ jew fix-xita
maltemp jew bnazzi Alla jaf meta
illum, illum, għix il-jum, illum, għal-lum