Ir-residenti fl-inħawi madwar l-impjant tal-Bitmac, f’San Ġwann, l-Iklin, Ħal Għargħur, u Ħal Lija, ilhom jikkomunikaw mal-awtoritajiet rigward l-iskumdità u t-tniġġis li qiegħed joħloq dan l-impjant. Dan jinkludi waqtiet ta’ irwejjaħ insopportabbli, kif ukoll tniġġis f’forma ta’ trab, kemm trab iswed kif ukoll abjad, meta r-riħ ikun jaqbel.
Kien, għadu u jibqa’ inaċċettabbli li operaturi kummerċjali jiġu jaqgħu u jqumu mir-residenti u jibqgħu jagħmlu l-ħajja ta’ dawn ir-residenti infern lejl u nhar, bl-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom. Dan kien il-messaġġ ewlieni meta kelliema ta’ ADPD-The Green Party indirizzaw konferenza stampa dwar it-tniġġis ikkawżat mill-impjant tat-tarmac għad-detriment tas-saħħa tan-nies.
Mark Zerafa, Segretarju Internazzjonali tal-partit u kandidat għall-Kunsill lokali ta’ Birkirkara f’isem ADPD-The Green Party qal li r-residenti ta’ San Ġwann, l-Iklin u lokalitajiet tal-inħawi bħal Birkirkara u Ħal Lija ilhom is-snin isofru inkonvenjent ta’ rwejjaħ mill-impjant tal-Bitmac. Dan qiegħed iħalli impatt ħażin fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom. L-irwejjah insapportabbli saħansitra jinxtammu mir-residenzi anke bit-twieqi magħluqin. Barra minn hekk it-trabijiet iġġenerati mill-ħażna taż-żrar fl-apert għandu impatt kemm fuq il-kwalità tal-arja kif ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali.
Bir-raġun kollu, ir-residenti ressqu l-ilment tagħhom għand l-awtoritajiet. L-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) bħal Pilatu kontinwament ħaslet idejha mir-responabbilità u saħqet li m’għandha ebda rwol regolatorju fuq dawn l-impjanti. Lir-residenti tathom parir biex jirrikorru għand id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali (EHD) li ukoll insista li m’għandu ebda awtorità li jieħu l-passi meħtiega! It-tweġiba li ngħataw turi indifferenza assoluta għas-sofferenzi tar-residenti. Skont id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali (EHD), jistgħu biss jittieħdu passi ladarba ir-residenti jagħtu evidenza li sofrew ħsara f’saħħithom!
Ma nistgħux nibqgħu nilagħbu bis-saħħa taċ-ċittadini. L-awtoritajiet regolatorji għandhom funzjoni preventiva, jiġifieri li jieħdu passi biex jevitaw il-ħsara fuq is-saħħa tan-nies temm jgħid Zerafa.
Samuel Vella, il-ko-Chairperson tal-Kollettiv Żgħażagħ Ekoxellugin – il-fergħa taż-żgħażagħ tal-ADPD u residenti ukoll fl-inħawi qal li l-fatt li “dan l-impjant qiegħed jitħalla jopera huwa evidenza ċara ta’ kif il-gvern iħares lejn żgħażagħ bħalna, il-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż. Il-Gvern qed jgħidilna li jiġi jaqa’ u jqum minn saħħitna. Falla fid-dmir tiegħu li permezz tal-awtoritajiet regolatorji jipproteġi liċ-ċittadin. L-oppożizzjoni kompliċi miegħu għax baqgħet siekta”.
Vella staqsa “Fejn hu l-gvern li jiftaħar kemm jaħdem għalina ż-żgħażagħ?” Minn riċerka li saret nafu li dawn l-emissjonijiet jagħmlu ħsara lis-sistema respiratorja tagħna lkoll u jistgħu jikkawżaw il-kanċer. Din hija s-sitwazzjoni li taffetwana lkoll. L-emissjonijiet ma jiddiskriminawx iżda jattakaw is-saħħa ta’ kulħadd.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet li ma jistax ikun li l-awtoritajiet jibqgħu jaħslu idejhom u jevitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom. Hemm bżonn li bla dewmien, jagħtu prijorità lis-saħħa fuq kull interess kummerċjali. Hemm bżonn li jkunu proattivi. Ma jistax ikun li jibqgħu jinħbew wara subgħajhom u wara skużi banali, jistennew li ssir il-ħsara qabel ma jieħdu l-passi meħtieġa.
Huwa d-dmir ta’ min qed iniġġes li jieħu kull prekawzjoni sabiex jimmitiga l-emissjonijiet mill-impjant. Huwa d-dmir tal-imprenditur li jnaqqas l-inkonvenjent għaċ-ċittadini li jistħoqqilhom kwalità ta’ ħajja diċenti fi djarhom stess. Hu d-dmir tas-sidien tal-Bitmac li jipprovdu evidenza li l-operat tagħhom mhux qiegħed ipoġġi s-saħħa tar-residenti f’periklu u dan wara li jieħu l-prewkazzjonijiet meħtieġa.
Gauci staqsiet: “Għala dan it-tkaxkir tas-saqajn? X’użu għandhom awtoritajiet bla sinsla li m’humiex qegħdin jaqdu l-funzjoni tagħhom u jipproteġu l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadin? Kif tista’ ma titħassibx, meta wieħed mis-sidien tal-Bitmac kien canvasser ta’ ex-Ministru Laburista fit-Tmien Distrett?”
Filwaqt li nesprimu solidarjetà mar-residenti tal-inħawi milquta, ADPD jisħaq li l-operat tal-impjant tal-Bitmac għandu jieqaf minnufiħ, u ma jiftaħx qabel ma jkunu saru l-istudji kollha biex ikunu identifikati l-miżuri meħtieġa ħalli ma jibqax ikun ta’ ħsara għas-saħħa tar-residenti fl-inħawi, temmet tgħid Gauci.