ADPD – Żvilupp propost f’B’Kara għandu jirrispetta ir-residenti u l-ambjent storiku

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Birkirkira kelliema tal-ADPD sostnew li bini li jkerrah
 u li jtellef il-karatteristiċi tal-irħula u l-ibliet tagħna għandu jkun imrażżan u li kull proposta ta’ żvilupp għandha tirrispetta kemm lir-residenti kif ukoll l-ambjent storiku.
Il-kandidat tal-ADPD għall-kunsill lokali ta’ Birkirkara Mark Zerafa emfasizza kif minkejja l-ħafna wegħdiet li saru, li l-pjaga tal-iskart se tiġi kkontrollata, il-problema ta’ skart minsi u mitluq ‘l hawn u l’ hinn qatt ma kienet daqshekk serja. Hemm bżonn li nrawmu sens ta’ awto-dixxiplina, msejjes fuq ir-rispett lejn il-komunità u mħabba lejn din il-lokalità tagħna. Hemm il-ħtieġa li l-indafa pubblika, nkluż il-ġbir tal-iskart ikun iktar organizzat.
Zerafa tenna li hemm bżonn li ngħożżu l-wirt kulturali tagħna. Kull proposta ta’ żvilupp jeħtieġ li tkun tirrispetta r-residenti u l-ambjent storiku: hemm bżonn li nirreżistu kull tentattiv ta’ spekulaturi li qajla jimpurtahom mill-istorja li sawwret lil Birkirkara u saħansitra lil Malta! Ma nistgħux ninsew id-diżrispett li urew ċertu spekulaturi lejn dak li sawwar lil Birkirkara meta ipproponew li r-residenza ta’ Vinċenzo Borġ Brared tinbidel f’lukanda!
Zerafa sostna li hemm bżonn li l-ispazji miftuħa u l-pulmuni ħodor tagħna nindukrawhom u nieħdu ħsiebhom. B’hekk inkunu qegħdin nieħdu ħsieb saħħitna lkoll. Għandu jitnieda proġett biex jiġu identifikati postijiet adattati fejn iktar siġar jistgħu jitħawwlu direttament fl-art. F’kuntest fejn l-ispazji miftuħa huma limitati u fejn għandek lokalità mdawwra b’toroq arterjali, iktar ħdura fil-lokalità hija essenzjali.
Ħafna residenti ta’ Birkirkara qed jintlaqtu wkoll mill-batching plant fl-Iklin.  ADPD tinsisti bħal ma għamlet diversi drabi fil-passat, biex il-periklu għas-saħħa tan-nies kif ukoll l-irwejjaħ insapportabbli li xi kultant jifgaw lil Birkirkara, jitrażżnu mill-iktar fis.  Ma nistgħux nistennew in-nies jimirdu qabel tittieħed azzjoni.
Huwa għalaq b’appell: “Jekk tixtieq tara Birkirkara nadifa, Birkirkara li tingħata r-rispett li tant jistħoqqilha, jekk tħaddan prinċipji ta’ sostenibilità u ġustizzja soċjali – din hija l-opportunità tiegħek!”
Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci bdiet biex irreferiet għall-applikazzjoni (PA7311/22) biex isir żvilupp f’Birkirkara li se jkerrah u jistona mal-bini tal-madwar għax se jkun għola mill-bini l-ieħor. Meta jseħħ żvilupp ta’ dan it-tip, għandu jkun hemm mhux biss ir-rispett tal-liġijiet imma tal-arkitettura tal-madwar u li dak li jkun bi ħsiebu jiġi pproġettat ma jkunx jistona u jkerrah.
Gauci emfasizzat li irridu nżommu l-karatteristiċi tal-irħula tagħna u mhux inbiegħhom għal min joffri l-aktar fi sforz li nsiru sinjuri mil-lum għal għada. Huwa għalhekk li ningħaqdu ma’ Din l-Art Ħelwa kif ukoll mas-Sovvratendenza tal-Wirt Storitku fit-tħassib u l-oġġezzjonijiet li għandhom dwar dan l-iżvilupp. Hemm bżonn reviżjoni estensiva ta’ dak li hu pproġettat u li t-tħassib dwar kif il-bini propost se jkerrah jingħata l-attenzjoni mistħoqqa.
Gauci sostniet li l-bini li jkerrah u li jtellef il-karatteristiċi tal-irħula u l-ibliet tagħna għandu jitrażżan. Qed isiru diversi tentattivi madwar Malta u Għawdex fejn sforz ir-regħba ta’ żviluppaturi u n-nuqqas ta’ sinsla tal-Awtorità tal-Ippjanar, ħarġu permessi li qed ibiddlu kompletament il-wiċċ tal-ibliet u l-irħula tagħna: bħal per eżempju dak propost f’Ta’ Xbiex, il-proposta tal-bini f’Santa Luċija fi Triq Katerina Vitale u l-iskandlu tal-blokka tal-appartamenti proposta fejn il-Ġgantija.
“Qed nitilfu r-ruħ u l-karatteristiċi tal-irħula Maltin biex nimlew il-but ta’ wħud u lesti anke ninjoraw l-istorja tagħna u naqgħu għar-redikolu mad-dinja kollha billi naħsbu li huwa tajjeb li tinbena blokka bini oħra 200 metru bogħod mit-tempji tal-Ġgantija. L-Awtorità tal-Ippjanar qed tinsa l-ippjanar u saret biss awtorità li toħroġ il-permessi u dan b’mod irresponsabbli.
“Nisperaw li f’dan il-każ isiru t-tibdiliet meħtieġa biex l-impatt fuq l-estetika tal-lokalità ikun minimu u jinżammu l-karatteristiċi li jagħmlu Birkirkara unika,” temmet tgħid Gauci.