ADPD – The Green Party iddiżgustat bl-aħbar li Clint Axisa (Transport Malta) qed ikompli x-xogħol ma’ aġenzija tal-gvern, minkejja proċeduri kriminali li għadhom għaddejjin kontrih.
Iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party u kandidata Sandra Gauci qalet li wara l-aħbar li Axisa reġa’ sab postu jaħdem mal-gvern qisu ma ġara xejn wara bosta akkużi ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, il-gvern ikompli jikkonferma kemm aħna in-nisa m’aħniex stmati bħala persuni. It-tneħħija tas-sospensjoni ta’ Clint Axisa waqt li għadhom pendenti l-passi kriminali jfisser li għall-Gvern tal-Labour aħna n-nisa nibqgħu hobby u passatemp għal ċertu rġiel li jarawna biss bħala oġġett.
Gauci emfasizzat li l-Gvern qiegħed ikompli jsaħħaħ u jappoġġja din l-idea. “Jista’ mhux jagħmel kwoti fażulli u jidher b’wiċċ imbikkem wara xi femiċidju għax la kien, la hu, u lanqas se jkun kredibbli. L-aqwa li min huwa akkużat b’atti kriminali fuq in-nisa għandu t-tessera tal-partit. Mid-dehra t-tessera hija l-‘get out of jail free card’ għal kull att kriminali.”
ADPD – The Green Party iġedded l-appoġġ għad-drittijiet tan-nisa u kontra l-vjolenza. Hemm bżonn bidla fil-mentalià għaliex Malta baqgħet lura ħafna f’diversi aspetti tal-ugwaljanza.