BirdLife Malta – L-UE tibda l-proċess biex twaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa

L-UE tibda l-proċess biex twaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa

 

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħadet azzjoni ġdida kontra Malta wara li l-Gvern, fir-rebbiegħa li għaddiet, reġa’ fetaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiem.

Bejn l-10 u t-30 ta’ April 2022, il-Gvern fetaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa sew fuq is-Summiena kif ukoll fuq il-Gamiema wara li l-kaċċa għall-Gamiema – speċi Vulnerabbli għall-Estinzjoni – kienet ilha ma tiftaħ mill-2017 minħabba moratorju li kien iddaħħal fis-seħħ dik is-sena.

Ftit tal-ħin ilu, il-Kummissjoni ħabbret id-deċiżjoni li tibgħat Ittra ta’ Intimazzjoni (Letter of Formal Notice) addizzjonali lill-Gvern Malti li fiha appellatlu biex iwaqqaf il-kaċċa tal-Gamiem fir-rebbiegħa. B’dan il-pass, il-Kummissjoni estendiet l-azzjoni tagħha kontra Malta anke fuq il-Gamiema wara li f’Diċembru tal-2020 kienet diġà bagħtet twissija simili lill-Gvern Malti wara li fetaħ il-kaċċa fir-rebbiegħa fuq is-Summiena. Fil-fatt, fl-istqarrija tal-Kummissjoni jingħad li din hija twissija addizzjonali biex il-KE tindirizza wkoll it-tħassib tagħha issa anke fuq il-kaċċa tal-Gamiema minħabba li f’April li għadda l-pajjiż estenda d-deroga dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa biex tkopri wkoll lill-Gamiema. Malta ngħatat xahrejn ċans biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet imqajma.

Dan ifisser li l-Gvern Malti għandu sal-15 ta’ April biex iwieġeb, li bejn wieħed u ieħor jaħbat fl-istess perjodu meta s-soltu jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Is-sena l-oħra, fil-fatt, dan l-istaġun infetaħ bejn l-10 u t-30 ta’ April. Waqt li l-kaċċa għas-Summiena kienet permessa fil-jiem kollha tal-istaġun, il-kaċċa għall-Gamiema kienet permessa mis-17 tax-xahar ’il quddiem.

Ittra ta’ Intimazzjoni hija l-ewwel minn tliet passi fil-Proċedura ta’ Ksur li tiftaħ il-Kummissjoni Ewropea kontra Stat Membru tal-UE meta jinkisru l-liġijiet ambjentali, f’dan il-każ id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar. Wara din l-azzjoni, fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, ikun imiss Opinjoni Motivata (Reasoned Opinion) u jekk il-Gvern jibqa’ ma jiħux il-miżuri meħtieġa biex jirrettifika l-pożizzjoni tiegħu, l-aħħar stadju jkun li Malta titressaq quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

L-azzjoni mħabbra llum mill-KE għal darba oħra tagħti raġun lil BirdLife Malta li f’Novembru li għadda ħadet lill-Gvern il-Qorti biex tikkontesta d-deċiżjoni li fl-aħħar rebbiegħa jinfetaħ staġun tal-kaċċa fuq il-Gamiema. Fil-kawża tagħha BirdLife Malta qed titlob lill-Qrati Maltin jiddikjaraw din il-prattika bħala illegali, bil-ħsieb li twaqqaf il-kaċċa għall-Gamiem fir-rebbiegħa darba għal dejjem.