Sandra Gauci li kienet favur għadd ta’ miżuri marbuta mal-COVID bħall-użu tal-
Maskri, u l-Vaċċin u kienet ferm voċifera favur dawn il-miżuri hija wkoll
favur l-Abort u d-dekriminalizzazzjoni tiegħu li ħadet sehem ukoll
f’għadd ta’ protesti Pro-Choice issa hija wkoll iċ-Chairperson tal-partit ADPD.
Sandra Gauci inħatret bħala Chairperson ta’ ADPD – The Green Party waqt il-laqgħa
ġenerali annwali statutorja li nżammet dalgħodu u li fiha ġie ikkonfermat ukoll il-
kumitat eżekuttiv tal-partit kif muri hawn taħt. Waqt konferenza stampa fi tmiem il-laqgħa, Gauci qalet li n-nies iridu drittijiet mhux ċekkijiet.
Iridu wkoll jgħixu f’pajjiż fejn id-dritt isaltan bis-serjetà, fejn il-mertu u mhux il-ħbieb tal-ħbieb ikunu l-kejl li fuqu bniedem jimxi ‘l quddiem, u fejn il-kwalità tal-
ħajja tkun verament imħarsa.
Sandra Gauci ilha attiva fl-ADPD għal dawn l-aħħar tliet snin u magħrufa bħala l-vuċi tan-nies bis-saħħa tal-vidjos li ittella’ fuq l-internet ta’ kull ġimgħa imsejħin ‘ABS
news’. Sandra għandha Baċellerat fl-Edukazzjoni tat-Taljan u Masters fil-Letteratura
Taljana. Rebħet ukoll borża ta’ studju mill-Università ta’ Siena għat-tagħlim tat-
Taljan permezz taċ-ċinematografija. Hija għalliema tat-Taljan fl-iskejjel pubbliċi b’21 sena esperjenza. Jinteressawha l-aktar oqsma bħal ma huma l-istat tad-dritt, il-ġustizzja
soċjali u l-libertà tal-istampa. Se toħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla f’isem ADPD – The Green Party flimkien ma’ Dr. Ralph Cassar u Mina Jack Tolu.
F’diskors fi tmiem il-laqgħa ġenerali, Gauci semmiet l-istħarriġ, wieħed wara l-ieħor qegħdin qed juru li numru konsistenti ta’ nies għarfu li ż-żewġ partiti tradizzjonali ma jirrappreżentawhomx u li jħossuhom orfni. ADPD, qalet Gauci, se jkompli jfittex li jinbnew l-pontijiet ma’ dawn in-nies li jħossuhom imwarrba u minsija u li m’għandhomx biżżejjed saħħa biex jingħataw widen.
Semmiet ukoll il-kawża kostituzzjonali dwar is-sistema elettorali li ADPD
fetaħ wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u li dwarha tittama li jkollna l-ewwel deċiżjoni fix-xhur li ġejjin.
Hija qalet li bħala partit se nkomplu naħdmu fuq temi importanti bħall-ġlieda kontra l-
korruzzjoni, favur il-ħarsien tal-istat tad-dritt, il-ħarsien tal-ambjent naturali u l-wirt
storiku, kif ukoll li nkomplu naħdmu għal trasport sostenibbli f’pajjiż li kulma jmur qed jispiċċa mwaħħal.
Hija indikat li l-ikbar sfida li għandu l-pajjiż hi dik li ntaffu kemm jista’ jkun il-piż
tal-għoli tal-ħajja b’miżuri li jgħinu lil min hu l-aktar vulnerabbli. Miżuri li jgħinu lil dawk li jaqilgħu paga minima li teħtieġ tinbidel f’living wage. Jekk ikun hemm
galbu fl-infieq tal-gvern u il-ġbir tat-taxxa jsir bis-serjetà, id-dħul fis-seħħ ta’ living wage jista’ jsir fuq medda ta’ żmien, sostniet Gauci. Huwa kruċjali, insistiet Gauci, li l-Gvern
iżommna infurmati bl-istudji li għaddejjin dwar din il-living wage, studji li huma
iffinanzjati minn fondi pubbliċi.
Hija semmiet ukoll il-mekkaniżmu tal-COLA (Cost of Living Adjustment
Mechanism) li jeħtieġ jiġi aġġornat biex jaddatta għall-istil ta’ ħajja tal-familji tal-lum. Laqgħet bi pjaċir il-fatt li il-proposta ta’ ADPD li l-COLA tingħata darbtejn fis-sena ntgħoġbot anke mill-Unions li irreferew għaliha bħala alternattiva prattika biex ittaffi ftit mill-piż fuq il-ħaddiem.
“In-nies għandhom bżonn ta’ drittijiet mhux ċekkijiet. Iridu jkunu moħħhom mistrieħ li qed jgħixu f’pajjiż fejn hemm l-istat tad-dritt, fejn il-mertu u mhux il-ħbieb tal-ħbieb ikunu l-kejl li fuqu bniedem jimxi ‘l quddiem. Irridu npoġġu fuq quddiem il-kwalità tal-ħajja li f’dan il-pajjiż qegħda tittiekel b’pass mgħaġġel u nerġgħu nibdew inħarsu b’tama lejn il-futur ta’ pajjiżna,” temmet tgħid Gauci.
Il-laqgħa ġenerali approvat ukoll il-membri tal-kumitat eżekuttiv tal-partit kif muri hawn taħt:
Sandra Gauci – Chairperson; Mina Jack Tolu – Deputat Chairperson; Carmel Cacopardo
– Deputat Chairperson; Ralph Cassar – Segretarju Ġenerali; Mario Mallia–
Deputat Segretarju Ġenerali (Organizzattiv u Amministrattiv); Melissa Bagley –
Deputat Segretarju Ġenerali (Politika); Brian Decelis – Uffiċjal għar-
Relazzjonijiet Pubbliċi (PRO); Luke Caruana – Teżorier; Mark Zerafa – Segretarju
Internazzjonali; u Marcus Lauri u Matthew Mizzi – Membri.