Għat-tmien sena konsekuttiva, għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi speċifiċi biex ikollhom l-opportunità jkomplu jimirħu barra minn xtutna u jaħdmu ma’ għaqdiet volontarji barranin. Għal dan il-għan se terġa’ tiftaħ l-iskema Civil Society Fund b’investiment ta’ €125,000.
It-tnedija mill-ġdid ta’ dan il-fond saret mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Kull sena f’dawn l-aħħar seba’ snin, ibbenefikaw minn din l-iskema medja ta’ 40 għaqda volontarja b’investiment ta’ ftit inqas minn €900,000.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li huwa permezz ta’ skemi bħal dawn li l-għaqdiet Maltin u Għawdxin jistgħu jaqsmu s-servizzi li diġà joffru kif ukoll jibnu pontijiet internazzjonali. Tnedija ta’ skema li permezz tagħha qiegħed jintbagħat messaġġ dwar kemm l-għaqdiet volontarji huma valorizzati.
“Riċentament waqt żjara fi Brussell kelli l-opportunità nara għaqda volontarja Maltija tirrappreżenta lil pajjiżna u lill-persuni li qegħdin fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Tħossok kburija bħala Maltija tisma’ l-kummenti pożittivi li għaqdiet volontarji oħrajn Ewropej għaddew fil-konfront tal-għaqdiet volontarji Maltin, tant li ddeskrivewhom bħala organu soċjali pro-attiv li qiegħed jagħmel ħafna ġid għall-komunità Maltija u Għawdxija,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandolo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Settur Volontarju, qal kif dan il-fond huwa parti mill-appoġġ mogħti mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat sabiex aktar għaqdiet volontarji jimpenjaw ruħhom u jissieħbu ma’ organizzazzjonijiet oħra, mhux biss lokalment iżda wkoll fuq livell Ewropew. Dan l-impenn huwa essenzjali sabiex l-istess għaqdiet ikunu parteċipi fid-diskussjoni fuq livell Ewropew fil-qasam li jispeċjalizzaw huma. Dan il-kuntatt isarraf ukoll f’possibbiltajiet ta’ sħubija fi proġetti Ewropej li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Maltin kemm fl-akkwist u qsim ta’ esperjenzi, aċċess għal aktar fondi mill-UE u t-tkabbir potenzjali tal-kapaċità tal-organizzazzjoni.
Permezz ta’ din l-iskema matul dawn l-aħħar seba’ snin għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin attendew għal diversi konferenzi u seminars ma’ għaqdiet volontarji barranin kif ukoll irrappreżentaw lis-settur tagħhom u lill-pajjiż f’konferenzi u seminars barra l-pajjiż.
Il-Gvern, flimkien mal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, iservu ta’ spalla kontinwa lil aktar minn 1,700 għaqda volontarja f’Malta u Għawdex li jkopru tista’ tgħid kull settur tal-ħajja.
Għat-tnedija mill-ġdid tal-iskema Civil Society Fund, kien hemm preżenti wkoll Nancy Caruana, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur; Jesmond Saliba, Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji; u Dr Noel Camilleri, Chairperson tal-Kunsill għas-Settur Volontarju.
L-għaqdiet volontarji jistgħu japplikaw billi jżuru l-website tal-MCVS fuq www.vofunding.org.mt. L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-Erbgħa, 7 ta’ Settembru 2022.