Ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Università ta’ Malta għal kors ġdid ta’ matul il-jum fil-qasam tad-diżabilità

Ħidma konġunta bejn id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) u l-Università ta’ Malta (UoM) se twassal biex minn Ottubru li ġej, l-Università se tipprovdi kors ta’ matul il-ġurnata, fuq medda ta’ sena skolastika, f’Livell ta’ Ċertifikat fl-Aċċess fil-Komunità għal persuni b’diżabilità.
Il-kors, li se jkun iffinanzjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, se jkun miftuħ għall-impjegati tal-Aġenzija Sapport kif ukoll impjegati ta’ għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità.
Matul l-iffirmar tal-ftehim bejn id-DDI u l-Università ta’ Malta, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli spjegat li dan il-kors qed jibgħat messaġġ b’saħħtu li l-Gvern qed ikompli jinvesti fl-inklużjoni.
Il-Ministru enfasizzat dwar l-importanza li biex persuni b’diżabilità jkomplu jingħataw servizz ta’ kwalità, iridu jagħtu l-għodda neċessarja lill-impjegati, li ta’ kuljum b’dedikazzjoni jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità. “Dan il-kors qed iwassal b’mod b’saħħtu l-messaġġ li verament irridu nagħtu l-inklużjoni, biex persuni b’diżabilità f’pajjiżna verament jkunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità f’kull livell tas-soċjetà.”
Hija ddeskriviet il-ħidma fil-qasam tal-persuni b’diżabilità bħala waħda vasta u li toffri sfida kontinwa, sfida li tinkwadra perfettament fl-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità – Liberta li Tgħix. Strateġija li l-għan ewlieni tagħha huwa li tipprovdi pjan direzzjonali għas-settur tad-diżabilità matul is-snin li ġejjin.
Min-naħa tiegħu r-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Profs. Alfred J. Vella saħaq li “huwa imperattiv li l-Università tkompli tinvesti f’inizjattivi bħal dawn peress li tgħaqdi l-obbligu tagħha li tkun ta’ servizz għas-soċjetà inġenerali. Dan il-ftehim huwa opportunità oħra li biha l-Università qed tafferma mill-ġdid it-twemmin tagħha u tipprovdi l-kompetenza tagħha biex tmexxi  riċerka meħtieġa f’diversi oqsma relatati mal-inklussività.”
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Profs. Andrew Azzopardi qal li l-Fakultà, permezz tad-Dipartiment tal-Istudji tad-Diżabilità, qed tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-entitajiet li tirrappreżenta, biex tipprovdi korsijiet imfassla speċifikament, li jindirizzaw il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Żied jgħid li l-għan tal-Fakultà u l-Università huwa li jwieġbu għall-ħtiġijiet ibbażati fuq riċerka, bbażata fuq l-evidenza.
Id-Dekan sostna li “din hija ħolqa oħra fl-esperjenza kollaborattiva tagħna u ser inkunu qed inħabbru inizjattivi oħra mal-imsemmi Ministeru. L-inklużjoni taħdem għax nagħmluha taħdem – il-Fakultà hija kommessa li tkompli tagħti s-sehem tagħha permezz ta’ boroż ta’ studju, riċerka, taħriġ u impenn soċjali.”
L-iffirmar tal-ftehim sar mis-Segretarju Permanenti Nancy Camilleri, mir-Rettur tal-Università Profs. Alfred J. Vella, mid-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Profs. Andrew Azzopardi u mid-Deputat Dekan tal-Fakultà Dott. Claire Lucille Azzopardi Lane. Preżenti wkoll għall-iffirmar kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni dwar dan il-kors fuq https://bit.ly/3RbvFfP.