Kelliema tal-ADPD-The Green Party appellaw lill-votanti biex fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’Ġunju li ġej jaraw li jeleġġu lil dawk li jpoġġu l-ħtiġijiet tal-residenti qabel kollox. Huma sejħu għal politika favur in-nies u mhux politika li tpoġġi biss interessi tan-negozju u tal-flus qabel l-interessi tan-nies.
L-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbiċi tal-ADPD u kandidat għall-kunsill lokali ta’ Marsaskala Brian Decelis qal li s-sitwazzjoni fejn art pubblika tittieħed minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb biex tkun estiża l-attività kummerċjali tagħhom ilha għaddejja għal għexieren ta’ snin. Saħansitra bħala attivist bikri fl-Alternattiva Demokratika fil-bidu tad-disgħinijiet huwa kien jipprotesta kontra l-għoti tax-xtajta bħala beach concessions privati. “Konna mmorru ‘armati’ bil-malja u xugaman u ngħumu f’dawn il-bajjiet fejn ġieli kellna anke naqtgħu l-wire fence biex nidħlu wara li dawn kienu ġew imbarrati minn dawn in-negozjanti li ħafna drabi kienu jkunu ħbieb tal-ħbieb.”
Illum qegħdin naraw sitwazzjoni fejn art pubblika bħalma huma l-bankini, toroq u pjazez f’pajjiżna qegħdin jiġu maħnuqa minn siġġijiet u mwejjed bil-konsegwenza ta’ diversi problemi għar-residenti u l-komunitajiet tagħna madwar Malta u Għawdex. Hemm bżonn li d-drittijiet tar-residenti għal lokalità abitabbli nieqsa minn ingombru ta’ spazji pubbliċi jingħataw prijorità u li l-kunsilli lokali tagħna jisħqu li jinżamm bilanċ bejn il-kummerċ u il-ħtiġijiet tar-residenti. “Għalhekk jiena qiegħed inressaq il-kandidatura tiegħi għal lokalità ta’ Marsaskala biex nara li dan il-bilanċ jinżamm fid-deċiżjonijiet li jittieħdu,” temm jgħid Decelis.
Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li l-għadab tal-Beltin għall-okkupazzjoni tal-ispazji pubbliċi fil-Belt Valletta mill-imwejjed, siġġijiet u strutturi oħra mqegħda fuq art pubblika mir-ristoranti u l-istabbilimenti kummerċjali li issa qabżet kull limitu aċċettabbli huwa ġustifikat. Miegħu jingħaqdu residenti minn lokalitajiet oħra li ta’ kuljum qegħdin iħabbtu wiċċhom l-istess problemi fosthom f’Tas-Sliema, San Pawl-il-Baħar, Birżebbuġa, Marsaskala u il-Mellieħa.
Sforz il-kummerċ bla rażan u politika li tpoġġi l-flus u l-interessi tan-negozju qabel in-nies, teżisti klima ta’ impunità fejn is-sidien tal-istabbilimenti kummerċjali jħossu li jistgħu jinjoraw dawk ir-regolamenti li jeżistu dwar l-operat tagħhom fuq art pubblika għaliex jafu li ma teżisti l-ebda forma ta’ infurzar. Ta’ min isemmi li l-politika dwar it-tqegħid ta’ imwejjed u siġġijiet fi spazji pubbliċi kienet imfassla minn kumitat inter-ministerjali li speċifikament kien eskluda l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentati tal-lokalitajiet tagħna, filwaqt li l-industrija tal-lukandiera u ristoranti kienet hemm. Huwa ċar li dawn ir-regoli speċifiċi tal-ippjanar tfasslu, ġew approvati u implimentati b’mod li jpoġġu lin-negozju u l-flus qabel in-nies.
Is-serq ta’ spazji pubbliċi minn ħalq il-poplu jinstab kullimkien mix-xtut ta’ lokalitajiet bħal Marsaskala jew qalb it-toroq storiċi bħal dawk tal-Belt. Saħansitra tmur tipprova tqatta’ xi nofs ta’ nhar ġo xi bajja popolari u issibha diġa okkupata mid-deckchairs sa minn kmieni filgħodu. Saħansitra l-Ombudsman ħass li kellu jappella għal darba darbtejn lill-Parlament biex jieħu azzjoni fejn saħansitra sejjaħ biex l-awtoritajiet jikkonfiskaw l-imwejjed u is-siġġijiet u jimponu multi fuq min jabbuża.
Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta’ Ġunju araw li tivvotaw lil min ifittex li jippromwovi politika li tkun people friendly u mhux waħda li tpoġġi biss l-interessi tan-negozju qabel l-interessi tan-nies. L-art pubblika għandha isservi il-ħtiġijiet tan-nies qabel dawk tan-negozji, temmet Gauci.