Il-barunijiet tal-Labour waslu Kemmuna ukoll!

“Gvern wara ieħor favur l-ispekulazzjoni u l-ispekulaturi. L-istorja tirrepeti ruħha għax il-PL u l-PN ghandhom l-istess politika dwar l-użu tal-art, dwar l-ambjent u favur l-ispekulazzjoni tal-art. Kemmuna mhux iktar bini għadha bżonn,  imma inqas! Dan hu essenzjali jekk il-protezzjoni li suppost għandha Kemmuna tfisser xi ħaga.”

Dan qalu iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, il-Perit Carmel Cacopardo fi stqarrija dwar l-iżvilupp propost fuq Kemmuna.

Bħal ma rajna f’numru ta’ każijiet fil-passat – fosthom dak tal-Hilton, tad-db f’Pembroke, tal-art pubblika f’idejn il-Corinthia Group f’Pembroke, issa anke f’Kemmuna, se jinbidlu l-kundizzjonijiet oriġinali tat-titlu tal-art pubblika biex minn użu purament turistiku issa anke fuq Kemmuna se jkun possibbli li tkun spekulata l-art, bil-bini ta’ vilel fi gzira li suppost hi klassifikata bħala protetta f’kuntest ta’ Natura 2000. Il-kundizzjonijiet skandalużi fil-kuntratti tad-db Group u tal-Corinthia issa se jkunu applikati wkoll għall-imperu ta’ Hili li fil-passat il-Partit Laburista qishom bħala barunijiet. Issa mid-dehra, saru ta’ ġewwa u ħbieb. Għax għal-Labour fil-Gvern, huma l-ispekulaturi li huma mħarsa, mhux Kemmuna. Politika ta’ ugwaljanza għall-ispekulaturi. Minflok li l-gvern jillimita n-nies fuq Kemmuna, milli jidher se jħalli li jinbena ‘raħal’ lussuz b’residenti permanenti fuq dil-gzira. Dan huwa assolutament inaċċettabbli.”

“L-iżvilupp propost fuq Kemmuna (PA/4777/20), filwaqt li huwa fuq sit ta’ lukanda antika, liema art ingħatat b’koncessjoni mill-gvern fil-bidu tas-sittinijiet, se jfisser intensifikazzjoni tal-użu tal-art meħud mil-lukanda. Minflok id-disa’ bungalows ezistenti se jinbnew dsatax (700 metru kwadru l-waħda) biex jinbiegħu lil sidien privati. Il-lukanda se jkollha 140 sodda.  Dan kollu fuq gzira li prattikament mhux abitata, u li hija l-unika gżira sħiha li hija riserva f’pajjizna. Minħabba li Kemmuna illum hi protetta, għandna nfittxu li nnaqqsu l-footprint tal-bini fuqha. Hu l-każ li l-bungalows għandhom ikunu eliminati kompletament. U l-footprint tal-lukanda għandu jonqos ukoll!”

“Biex jiġu irrestawrati żoni naturali u art imħarbta fil-bajjiet ta’ San Niklaw u Santa Marija m’hemmx għalfejn żvilupp intensiv fuq Kemmuna. Iż-żminijiet fejn art tingħata għal żvilupp turistiku ilu li għadda; m’hemm l-ebda raġuni loġika illi biha din l-istess art tibqa’ tingħata għall-ispekulazzjoni. Il-każ ta’ Kemmuna jkompli jikkonferma kif is-sistema PLPN hija sistema favur l-interessi tal-ftit.”