“Hu b’dispjaċir li qed joħroġ dejjem iktar ċar li l-Air Malta u l-ħaddiema tagħha huma trattati minn dan il-Gvern bħala ballun politiku. Qabel l-elezzjoni wegħdu impjieg garantit mal-Gvern bl-istess kundizzjonijiet li kellhom fl-Air Malta u issa qed jindunaw li dan mhux possibbli.” Dan qalu ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo.
Ir-rapporti fil-media li l-Ministru Clyde Caruana irtira l-ftehim li għamel hu stess mal-ħaddiema tal-Air Malta fi Frar, ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali juri ħaġa waħda. Juri li l-klijentaliżmu u l-istil ta’ politika qadima għadhom b’saħħithom f’Malta. Għandna storja twila ta’ gvernijiet u politiċi li jitkellmu fuq il-governanza tajba, imma mbagħad jipprattikaw il-politika tal-wegħdi u saħansitra l-iffirmar ta’ ftehim li ma jistgħux iżommu miegħu, kollox biex jinxtraw il-voti.
Dr Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party żied jgħid li l-attitudni tal-Gvern fil-kwestjoni tal-Air Malta hija wkoll wirt tas-sistema PLPN. “L-Air Malta hija fil-qagħda li hi ħtija tal-klijenteliżmu politiku li fuqu tmexxiet il-kumpanija sa minn meta twaqqfet. Ta’ min wieħed ifakkar fl- attitudni tal-PLPN li dejjem użaw l-Air Malta bħala baqra li ħelbulha sal-aħħar qatra ħalib, u baqgħu wieħed wara l-ieħor jaħilbu bl-addoċċ. Il-qagħda attwali tal-Air Malta hija, iswed fuq l-abjad, riżultat tal-klijenteliżmu sfrenat li mxew bih il-PLPN tul is-snin. Dawn ġabu l-Air Malta għarkupptejha biex jixtru l-voti u jqassmu l-pjaċiri għas-skapitu tal-finanzi pubbliċi u t-taxxi li jħallsu l-ħaddiema u n-nies onesti.”
Carmel Cacopardo ikkonkluda li “l-klijenteliżmu politiku hu frott ta’ sistema ta’ parlament iddominat minn żewġ partiti. Għalkemm kontinwament jirreżistu riforma elettorali sura. Għax pluralità ta’ ilħna politiċi fil-parlament twassal għad-daqqa mortali għall-klijenteliżmu.”