Il-Jum Dinji tan-Naħal

TALBA BIEX IN-NAĦLA MALTIJA TIĠI DIKJARATA BĦALA L-INSETT NAZZJONALI –

Stqarrija mil-

Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija 
“Lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Il-‘Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija’ li hi rreġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (VO/2403) qiegħda formalment tibgħat din it-talba skont il-provedimenti tal-leġislazzjoni sussidjarja 549.120 rigward ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien ta’ Speċi Protetti (Dikjarazzjoni ta’ Speċi Nazzjonali), biex in Naħla tal-għasel Maltija, jew kif xjentifikament hi magħrufa Apis mellifera ruttneri, tiġi ddikjarat bħala l-Insett Nazzjonali.”
In-Naħla Maltija 
Fost ir-reġjuni li l-ispeċi tan-naħla tal-għasel (Apis mellifera) hi indiġena, insibu dak Mediterranju. Fil-gżejjer Maltin, insibu tgħammar is-sottospeċi (razza) tan-naħla tal-għasel Maltija (Apis mellifera ruttneri) li tinsab biss fl-arċipelagu Malti, fatt li jagħmilha endemika għal dawn il-gżejjer.
Huwa ċar li l-karaterristiċi tan-Naħla Maltija qed jiġu mniġġsa min-naħal tal-għasel ta’ razez barranin li qegħdin jiġu impurtati f’pajjiżna. Peress li n-naħal tal-għasel jitgħammar fuq barra b’distinzjoni minima bejn sottospeċi differenti, dan qiegħed iwassal sabiex il-ġenetika tan-Naħla Maltija li kienet iżolata għal għexieren ta’ snin titħallat (hybridisation). Konsegwentament, minħabba dan it-taħlit in-Naħla Maltija qiegħda tinqered għaliex qed titlef il-karatteristiċi ‘Maltin’ li kienu jsawwruha u jagħmluha unika fost in-naħal tal-għasel. Iktar minn hekk, dan iwassal sabiex l-adattament li kellha biex tgħix f’abitat u klima lokali jintilef ukoll. Il-proċessi evoluzzjonarji li waslu sabiex din is-sottospeċi tifforma, fosthom tas-sopravivenza tal-aktar tajbin (survival of the fittest), ġew imfixkla bil-kbir għad detriment tas-sottospeċi li tagħmel parti mill-patrimonju naturali ħaj Malti. Il-proċess antropoġeniku ta’ taħlit bla dubju tefa’ lil din is-sottospeċi endemika għal pajjiżna f’riskju serju t’estinzjoni.
Tajjeb li ssir ukoll referenza għas-settur apikulturali lokali, li jiddependi intrinsikament fuq in naħla tal-għasel Maltija. Fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tas-sottospeċi lokali hi ukoll importanti ferm. Il-potenzjal t’addament għal klima iktar ħarxa fil-futur qarib qiegħda biss fil-konservazzjoni tas-sottospeċi endemika. L-importanza tal-konservazzjoni tan-naħla lokali u t-trobbija tagħha hu vantaġġuż u ta’ importanza. Fiha innifisha s-sottospeċi Maltija għandha valur intrinsiku sforz l-endemiċità tagħha, li tkompli tarrikkixxi il-bijodiversità lokali. Il-konservazzjoni ta’ din is-sottospeċi huwa neċessarju anke f’ambitu t’apikultura sostenibbli fil-ġejjieni.

Dwar il-Fondazzjoni 
L-iskop ewlieni tal-‘Fondazzjoni’ hu sabiex tfassal u taħdem fuq pjan t’azzjoni dwar il-konservazzjoni tan-Naħla Maltija u tieħu ħsieb il-koordinament u l-eżekuzzjoni tiegħu. Din il fondazzjoni qed taħdem fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu man-Naħla Maltija b’dawn l objettivi li huma bbażati fuq l-għan prinċipali; a) Tgħarraf bl-importanza tan-Naħla Maltija għall-ambjent naturali ta’ pajjiżna (ekoloġija) u għas-settur tal-apikultura u f’iktar sens wiesgħa dak agrikolu. b) Tgħarraf li n-Naħla Maltija tagħmel parti mill-patrimonju naturali Malti u għalhekk jistħoqqilha li tiġi kkonservata b’mod olistiku. c) Tinkoraġġixxi l-għarfien, it-trobbija u r-riċerka fuq in-naħla endemika Maltija. d) Tiġbor taħt umbrella waħda u tikkoordina entitajiet varji, individwi u organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom interess fil-konservazzjoni tan-Naħla Maltija u  e) Tagħmel pressjoni biex jiġi mfassal pjan sabiex in-Naħla Maltija tkun protetta b’mod olistiku.
Rapport Legali dwar il-Protezzjoni tan-Naħla Maltija
“Il-‘Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija’ flimkien mas-Sur David Chetcuti Dimech (awtur ewlieni u gradwat fil-liġi) u l-Professur Simone Borg (akkademiku superviżorju u professur fil-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta), ikkonkludejna rapport legali li jittratta ‘Il-Protezzjoni tan-Naħla Endemika Maltija’. Dan ir-rapport ġie ppublikat fil-ġurnal ‘European Energy and Environmental Law Review’. Din il-karta legali tirriċerka diversi modi ta’ kif in-Naħla Maltija tista’ tiġi protetta b’mod olistiku billi jiġu applikati liġijiet kurrenti Maltin, Ewropej u Internazzjonali. L-istudju jitlaq mill-premessa li t-taħlit tal-ġenetika li jinħoloq mill-proċess ta’ hybridisation, hu wkoll meqjus bħala tip ta’ tniġġis, u għaldaqstant jagħmel ħsara ambjentali. Il-prinċipju prekawzjonarju huwa wkoll elenkat. Il-karta legali teżamina kif naħal lokali ġo pajjiżi jew reġjuni Ewropej ġew protetti u x’kienu l-konklużjonijiet tal-qorti Ewropeja meta dawn il-liġijiet ġew sfidati. Ir-rapport ifassal diversi rakkomandazzjonijiet ta’ kif in-Naħla Maltija tista’ tiġi protetta. L-aktar waħda plawsibbli hi li din in-Naħla tiġi ddikjarata bħala ‘L-Insett Nazzjonali’. B’din id-dikjarazzjoni tkun qed tingħata l-għola livell ta’ protezzjoni li din is-sottospeċi endemika.”
Talba 
“Skond ir-regolamenti dwar il-Ħarsien ta’ Speċi Protetti (Dikjarazzjoni ta’ Speċi Nazzjonali L.S. 549.120) kif indikat f’artiklu 4(a) l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hi l-amministratur ta’ dawn ir-regolamenti. L-istess liġi f’artiklu 5 tgħid li l-awtorità kompetenti tista’ tiddikjara aktar Speċi Nazzjonali sakemm dawn l-ispeċi jkunu jaqgħu taħt xi waħda jew aktar mill-kriterji li ġejjin: (a) speċi selvaġġi indiġeni għall-Malta jew li huma rappreżentattivi tal-flora u fawna ta’ Malta; jew (b) speċi selvaġġi endemiċi għall-Gżejjer Maltin u l-ilmijiet u l-ibħra tagħhom; jew (ċ) speċi ta’ importanza partikolari minħabba l-interess xjentifiku, ekoloġiku, fuq il-biodiversità, bioġeografiku, pajsaġġ jew interess edukattiv li jqajmu; jew (d) speċi li għandhom konnessjoni speċifika kulturali jew storika ma’ Malta u mal identità tagħha; jew (e) speċi mhedda, rari, u possibbilment estinti, partikolarment speċi b’firxa ristretta f’Malta; jew (f) speċi kariżmatiċi li jservu bħala simbolu jew punt fokali biex jitqajjem għarfien u kuxjenza ambjentali u li jistgħu jiġu meqjusa bħala speċi xempju; jew (g) speċi li għandhom potenzjal li jkabbru l-interess għall-ħarsien tal-ambjent naturali jew li kapaċi jinfluwenzaw f’mod favorevoli attitudnijiet favur il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tal-ambjent; jew (h) speċi li fl-opinjoni tal-awtorità kompetenti jissodisfaw kriterji relevanti simili għal dawn.
In-Naħla tal-għasel Maltija taqa’ taħt iktar minn waħda mill-kriterji imsemmija u għaldaqstant jixirqilha dan it-titlu. Infakkru wkoll li l-konservazzjoni tan-Naħla Maltija kienet wkoll proposta (numru 596) fil-manifest elettorali tal-partit preżentament fil-gvern. Nemmnu wkoll li b’din id-dikjarazzjoni n-Naħla Maltija tista’ sservi bħala l-mascot tal-‘Istrateġija dwar id-Dakkara’ li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qiegħda tfassal bħalissa. Il-liġi stess tagħmel aċċen għal użu ta’ “speċi kariżmatiċi li jservu bħala simbolu jew punt fokali biex jitqajjem għarfien u kuxjenza ambjentali u li jistgħu jiġu meqjusa bħala speċi xempju”. Din id-dikjarazzjoni tmur ukoll id f’id mal-‘Istrateġija Nazzjonali fuq il-Biodiversità għal 2030’ li l-istess Awtorità qiegħda tfassal, għaliex dan ikun pass sod lejn il-protezzjoni tal-biodiversità fraġli lokali.
Nittamaw li l-Awtorità tilqa’ t-talba tagħna li fl-għeruq tagħha għandha skopijiet nobbli mmirati lejn il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt naturali ħaj li nsibu f’dawn il-gżejjer, b’riżq il-ġid komuni. Nirringrazzjawkom bil-quddiem. “

 

Dylan Farrugia, B.Sc. (Hons.) Biology (Melit.), M.Sc. Mol. & Cell Biology (Melit.)
Ko-Fundatur u Amministratur (President) tal-KNM

Abner Joe Buttigieg, B.Sc. (Hons.) Biomed. Sc. (Melit.), M.Sc. Med.Micro. (Ulster)
Ko-Fundatur u Amministratur (Segretarju) tal-KNM

Neil Cutajar, B.Sc. (Hons.) Biology & Chemisty (Melit.)
Amministratur (Teżorier) tal-KNM