Il-MITA ngħatat €2.913,085 biex twettaq proġett li hu kofinanzjat minn programm ta’ fondi diretti tal-Unjoni Ewropea u fondi nazzjonali. Il-programm tal-Unjoni Ewropea huwa l-Programm Ewropa Diġitali, imħaddem mill-Kummissjoni Ewropea, biex jissaħħu l-kapaċitajiet tas-cyber security lokali u fl-Unjoni Ewropea.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, mill-Kap Eżekuttiv tal-MITA Emanuel Darmanin u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta Mandy Falzon.
Permezz ta’ dan il-proġett se jitwaqqaf Ċentru Nazzjonali ta’ Kordinament, bħal fi stati membri oħra, sabiex jibni l-kapaċità meħtieġa fis-cyber security permezz ta’ koperazzjoni u ta’ azzjonijiet konġunti.
Bl-assistenza ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, il-MITA stabbiliet l-għanijiet ta’ dan il-proġett fejn se jiġu allokati fondi lil SMEs biex jinvestu f’soluzzjonijiet state-of-the-art, inkluż it-taħriġ lill-impjegati.
Sabiex il-proġett ikun qed jilħaq l-ogħla livell fl-għanijiet tiegħu, ġew identifikati ħames oqsma fis- cyber security li huma ta’ prijorità għall-SMEs lokali. Dawn l-oqsma jiffukaw fuq problemi relatati mas-settur diġitali li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum negozji f’Malta. Permezz ta’ dawn il-fondi, in-negozji għandhom isibu għajnuna biex jinvestu iktar fis-cyber security.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz ta’ dan il-proġett se jkunu qed jgħinu lin-negozji sabiex huma wkoll ikunu protetti fejn tidħol cyber security u dan jista’ jkollu effett fuq in-negozju tagħhom. Dr Bonett irringrazzja lil Servizzi Ewropej f’Malta li permezz tal-assistenza tagħhom, il-MITA setgħet takkwista dawn il-fondi.
Fid-diskors tiegħu, iċ-Chairman tal-MITA u l-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana rrimarka li l-ħidma li saret fl-aħħar snin għamlet lill-MITA punt ta’ referenza nazzjonali fit-teknoloġija. Semma li dan l-investiment fis-cyber security se jkun pass ieħor ’il quddiem biex l-aġenzija tkompli tafferma l-kredenzjali tagħha u ttejjeb dejjem aktar is-servizzi tagħha lill-gvern fl-użu tat-teknoloġija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA Emanuel Darmanin tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett u spjega li l-MITA ngħatat ir-responsabbiltà taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Kordinament fis-cyber security għal Malta u li kisbet €2.9 miljun biex twettaq l-għanijiet ta’ dan iċ-ċentru fi żmien sentejn.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta Mandy Falzon spjegat li dan huwa proġett ieħor f’katina ta’ proġetti li għalih inkisbu fondi tal-Unjoni Ewropea bl-assistenza ta’ din l-aġenzija li tgħin organizzazzjonijiet mhux governattivi, kunsilli lokali u entitajiet bħall-MITA biex iwettqu proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet differenti tal-komunitajiet f’pajjiżna u li b’modi differenti jgħollu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini f’pajjiżna.