Il-prinċipji kollha ta’ Kapitolu II tal-Kostituzzjoni ta’ Malta għandhom ikunu esegwibbli bil-qrati

Il-Partit Nazzjonalista lbieraħ donnu stenbaħ u qal li jrid li d-dritt għall-ambjent għandu jkun meqjus bħala ‘dritt tal-bniedem’ fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Il-fatt hu li l-kostituzzjoni diġà ssemmi fost il-prinċipji f’Kapitolu II, Artikolu 9, sub-artikli (1) u (2), il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien mit-tniġġis. Aħna diġà kemm-il darba għidna li l-prinċipji elenkati f’Kapitolu II tal-Kostituzzjoni m’għandhomx jitqiesu bħala tiżjin u kliem sabiħ imma għandhom ikunu inforzabbli mill-qrati bħal mal-prinċipji kostituzzjonali huma inforzabbli f’pajjiżi oħra.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party Ralph Cassar qal: ”Li għandu jsir huwa li l-prinċipji f’Kapitolu II tal-Kostituzzjoni jsiru esegwibbli fil-qrati billi jitħassar jew jiġi emendat Artikolu 21 li jgħid li ‘Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma jkunux esegwibbli f’xi qorti’.”
“Konna diġà għamilna sottomissjonijiet f’dan is-sens lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali li minħabba nuqqas ta’ rieda tajba mill-gvern jew tal-oppożizzjoni, jew tat-tnejn li huma, mid-dehra mietet fuq ommha. Irrepetejna dan ukoll fil-programm elettorali tal-2022.”
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet li hu ta’ xejn li l-prinċipji kostituzzjonali jibqgħu biss fuq il-karta. “F’pajjiżi fejn il-prinċipji kostituzzjonali huma esegwibbli saru rebħiet kbar mis-soċjetà ċivili f’oqsma bħall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-kwalità tal-arja, per eżempju. Fir-Renju Unit fl-2015 il-Qorti Suprema ġiegħlet lill-Gvern inaddaf l-arja mit-tniġġis tad-dijossidu tan-nitroġenu minn vetturi diesel li joqtol eluf ta’ nies fis-sena. Qorti Olandiża, fl-2015 ukoll, ordnat lill-Gvern inaqqas l-emmissjonijiet li jaffettwaw lill-klima b’tal-anqas 25% f’ħames snin.”
“Huwa ta’ għajb li f’Malta l-partiti parlamentari jitnikkru fuq prinċipji li huma tassew importanti. Ilu li wasal iż-żmien li l-partiti fil-Parlament jieqfu joqgħodu jraqqgħu l-Kostituzzjoni. Ilu li wasal iż-żmien li jieħdu r-riformi meħtieġa fil-Kostituzzjoni u l-proċess tar-riformi bis-serjetà. Hekk tissaħħaħ id-demokrazija.”