Ir-Riserva Naturali tas-Simar mill-ġdid taħt theddida.

Proposta biex bungalow oħra tinbidel fi blokka ta’

appartamenti ta’ 7 sulari

L-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet applikazzjoni ġdida biex bungalow fi Triq il-
Pwales fix-Xemxija tinbidel fi blokka ta’ appartamenti ta’ seba’ sulari
quddiem ir-Riserva Naturali tas-Simar. Dan qed iseħħ ftit ġimgħat biss wara
l-konferenza tal-aħbarijiet imsejħa minn BirdLife Malta b’rabta mal-
approvazzjoni bla sens ta’ żewġ applikazzjonijiet oħra tal-ippjanar li huma
simili. Aktar kmieni f’Ġunju, BirdLife Malta kienet ikkundannat lill-Awtorità
tal-Ippjanar (PA) talli qed toħroġ il-permessi biex isiru żviluppi bħal dawn
waqt li kkritikat ukoll lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wara li
ma tantx esprimiet tħassib fuq din il-materja.
F’konferenza tal-aħbarijiet fit-8 ta’ Ġunju, BirdLife Malta kienet ippubblikat
ukoll photomontage li turi kif qed jirriskjaw li jinbidlu l-inħawi ta’ Triq il-
Pwales, ftit passi ’l bogħod mid-daħla tar-Riserva Naturali tas-Simar.
B’reazzjoni għal dan, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet stqarrija biex
tgħid li l-photomontage huwa qarrieqi u akkużat lil BirdLife Malta li qed
tħawwad lin-nies dwar x’jista’ jfisser l-iżvilupp approvat. Madanakollu,
għaddew biss ftit ġimgħat u dak li antiċipajna qed isir realtà, b’din l-
applikazzjoni ġdida bin-numru PA/03475/23 li d-deċiżjoni dwarha
mistennija tittieħed f’Ottubru.
Il-proposta l-ġdida, imressqa minn Innovative Design Architects, tipprova
tpinġi dan l-iżvilupp bħala sempliċi żieda ta’ sulari u modifikazzjonijiet
f’maisonette, imma d-disinji li faċilment jinstabu online fuq is-sit elettroniku
tal-Awtorità tal-Ippjanar juru li din hija tkomplija tat-trasformazzjoni
kompleta ta’ bungalows fi blokok ta’ appartamenti, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod
mis-Simar, essenzjalment kif urejna fil-photomontage.
Filwaqt li nnutat li l-ERA ma ħadet l-ebda pożizzjoni dwar dan, BirdLife
Malta x-xahar li għadda kitbet lill-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca u
staqsiet speċifikament lill-awtorità tal-ambjent biex tiddikjara l-pożizzjoni
tagħha fuq l-iżvilupp propost biex wara kollox tħares lir-riserva naturali li
tifforma parti min-netwerk Natura 2000 ta’ Malta. Ir-risposta tal-ERA, li
ddaħħlet ilbieraħ, tisħaq biss fuq tniġġis mid-dawl meta l-iżvilupp ikun lest,
u ma tindirizzax impatti potenzjali oħra bħal dawk waqt il-kostruzzjoni,
minħabba li l-inħawi diġà huma skedati għall-iżvilupp.
Il-Kap tal-Immaniġġjar tal-Art ta’ BirdLife Malta Mark Gauci kkummenta:
“Ftit ġimgħat biss wara li għamilna din il-kwistjoni pubblika, qed naraw
iseħħ dak li konna qed nibżgħu li se jiġri. Taqta’ qalbek tara riserva naturali
tiġi soġġetta għal intensifikazzjoni tal-iżvilupp bieb ma’ bieb magħha, aktar
u aktar meta tara li l-awtoritajiet responsabbli ma tantx għandhom interess
li jirranġaw is-sitwazzjoni”.
Il-perjodu tar-rappreżentazzjonijiet għall-iżvilupp propost jiskadi fl-14 ta’
Lulju u dawk li jixtiequ joġġezzjonaw jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom
permezz tas-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar hawnhekk.
Sadanittant, BirdLife Malta ressqet l-oġġezzjoni tagħha għal dan l-iżvilupp, u
qajmet it-tħassib tagħha dwar l-impatti li l-iżvilupp propost se jkollu fuq ir-
riserva waqt l-istadju tal-kostruzzjoni u anke fil-fażi operattiva, b’theddida
ċara għall-valur kemm ekoloġiku u anke edukattiv ta’ din l-art mistagħdra
protetta.
“Aħna se nibqgħu noġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp u għal kull żvilupp ieħor
li jpoġġi fil-periklu dak li essenzjalment huwa l-patrimonju naturali tagħna li
qed jittieħed a skapitu ta’ inizjattivi biex ħaddieħor jagħmel il-flus. L-ERA
rrassenjat ruħha għal dan l-iżvilupp għax jinsab f’żona skedata. Minflok
taġixxi fuq il-kwistjoni billi tindirizza applikazzjoni waħda wara l-oħra, l-
ERA qiegħda sempliċiment tkun spettatur,” kompla jikkummenta l-Kap tal-
Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara.
Fl-aktar applikazzjoni riċenti approvata għal żvilupp qrib is-Simar, l-
Awtorità tal-Ippjanar kienet ħadet nota tal-fatt li ma kien hemm l-ebda
oġġezzjoni min-naħa tal-ERA, li kienet qanqlet biss tħassib dwar il-
possibbiltà ta’ tniġġis mid-dawl u injorat għalkollox l-impatti mill-
kostruzzjoni u l-akkumulazzjoni ta’ residenti f’żona maġenb ir-riserva
naturali. Periti kienu argumentaw li ladarba kienu diġà ġew approvati
appartamenti fl-istess triq, applikazzjonijiet oħra m’għandhomx jiġu ttrattati
b’mod differenti. Madankollu, f’żewġ deċiżjonijiet riċenti dwar żvilupp f’żoni
ODZ (Outside Development Zone) u UCA (Urban Conservation Area), il-
Kummissjoni għall-Ippjanar fi ħdan il-PA għamlitha ċara fiż-żewġ każi li l-
approvazzjoni ta’ żvilupp mod ma jfissirx l-istess għall-bqija. Il-kwistjoni fl-
inħawi tas-Simar tibqa’ primarjament it-tħaddim ħażin tal-policies tal-
ippjanar li BirdLife Malta se tkun qed tikkontesta quddiem tribunal.