Challenge Air Group, li riċentament ingħataw l-Air Operator Certificate (AOC) minn Transport Malta, ipprovdew titjira kif ukoll il-loġistika biex il-‘Flemish tapestries’ irritornaw lura Malta fejn ser jerġgħu ikunu esebiti fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u dan wara li ġew restawrati f’Liège il-Belġju.
Dan tħabbar waqt ċerimonja li għaliha attendew il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili (CAD) il-Kaptan Charles Pace, il-Kap Eżekuttiv tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann Tonio Mallia, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Challenge Group Yossi Shoukroun.
Challenge Airlines MT irċeviet l-AOC tagħha fl-1 ta’ Novembru 2022 u se tkun qed topera titjiriet regolari bejn Liège, Tel Aviv (TLV), Sharjah (SHJ), New York (JFK), u Mumbai (BOM).
Din il-linja tal-ajru għandha flotta ta’ żewġ B767-300ER irreġistrati 9H, it-tnejn b’tagħbija ta’ 60 tunnellata, u 10 bdoti disponibbli biex itiru fl-Ewropa mill-hub tagħhom fl-ajruport ta’ Liège (LGG), fil-Belġju.
Il-Ministru Owen Bonnici, fil-kummenti tiegħu qal, “Dawn l-arazzi ilhom proprjetà tal-Kon-Katidral għal 350 sena. Ir-restawr ta’ dawn l-arazzi huwa komplut u dan hu ċertament pass ‘il quddiem għall-apprezzament usa’ kif ukoll esperjenza unika għal dawk li se jżuruhom fis-snin li ġejjin. Se nkomplu nżommu l-istorja bħala parti integrali mill-ħajja ta’ pajjiżna, u nkomplu nagħtuha l-importanza li jixirqilha.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg sostna, “Huwa ta’ pjaċir għalina li naraw li b’intervent b’saħħtu mill-Ambaxxata tagħna fil-Belġu, permezz ta’ Clint Tanti u l-bqija tal-ħaddiema, stajna naraw li dawn l-arazzi jinġabu Malta bla ebda spiża fuq il-Gvern Malti u fuq kollox ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku u t-turisti li jagħżlu li jżuru l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Turija ċara oħra tax-xogħol importanti li jsir barra minn xtutna mid-diplomatiċi tagħna bil-għan li pajjiżna jkollu l-aqwa rappreżentanza barra minn xtutna.”
Il-Ministru Aaron Farrugia sostna li jidher ċar li qed ikun hemm relazzjoni professjonali li tmur lil hinn mill-għoti tal-AOCs bejn il-CAD u l-airlines. “Apparti din iż-żieda fir-reġistru tagħna 9H, dan huwa l-mod ħolistiku ta’ kif irridu nħarsu lejn dawn l-istakeholders li f’pajjiżna joħolqu numru ta’ impjiegi u faċilitajiet fejn jitħarrġu l-Maltin u l-Għawdxin f’din l-industrija. Ġest bħal dan huwa ferm apprezzat mill-poplu Malti hekk kif qed naraw lil din l-kumpanija tikkontribwixxi favur il-patrimonju kulturali Malti. Dan juri biċ-ċar l-impenn li dawn il-kumpaniji għandhom biex ikomplu jsejħu lil Malta bħala l-bażi tagħhom,” stqarr il-Ministru Farrugia.
Il-Kaptan Charles Pace sostna li, “Huwa ta’ sodisfazzjon li Challenge Air Cargo kienu daqstant ġenerużi biex jipprovdu din it-titjira u jagħtu appoġġ loġistiku biex jirritornaw lura Malta dawn il-Flemish Tapestries biex jerġgħu jiġu esebiti lill-pubbliku. Nirringrazzja lill-Challenge Air Cargo għall-fidi fil-ġurisdizzjoni tagħna u nistenna bil-ħerqa li narahom jikbru u jiddiversifikaw.”
Yossi Shoukroun, il-Kap Eżekuttiv ta’ Challenge Group, qal li, “Ġimgħa biss wara li rċevejna l-liċenzja tagħna biex naħdmu f’Malta, li għaliha aħna grati ħafna lejn l-awtoritajiet Maltin talli ffaċilitaw dan it-tragward importanti fl-iżvilupp strateġiku ta’ Challenge Group, aħna onorati li nkunu l-linja tal-ajru magħżula biex iġġib lura dawn l-arazzi li għamlu l-ewwel darba triqthom lejn Malta madwar 320 sena ilu. L-arazzi kienu minsuġa fil-Belġju. Huma juru xeni Kristjani f’Ġerusalemm, Iżrael, u ġew ordnati mill-Gran Mastru Fra Ramon Perellós y Roccaful għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Għalhekk, it-tliet pajjiżi fejn Challenge Group għandu bażi u li għalihom għandu ċertifikati ta’ AOC, huma rappreżentati.”