L-ADPD- The Green Party, fi stqarrija tgħid li l-aħbar ta’ din il-ġimgħa li l-Universita’ ta’ Malta se jkollha tnaqqis ta’ aktar minn miljun ewro mill-baġit allokat lilha mill-Gvern għal din is-sena u miljuni oħra mill-budget tas-sena d-dieħla turi b’mod ċar li l-Gvern għandu prijoritajiet żbaljati.
“Jekk għandu jkun hemm tnaqqis mill-infieq pubbliku dan għandu jsir billi jitnaqqsu sostanzjalment is-sussidji fuq il-petrol u id-dijsil u mhux billi nilgħabu mal-futur tal-pajjiż.”
Iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo qal li “l-Universita’ u l-edukazzjoni b’mod ġenerali jeħtieġu żieda fir-riżorsi finanzjarji biex ikunu iktar effettivi fl-iżvilupp sħiħ tal-istudenti tagħna.”
Minkejja il-wegħdiet fiergħa ta’ qabel l-aħħar elezzjoni biex tiżdied l-allokazzjoni ta’ fondi għar-riċerka għal 2% tal-GDP, dawn il-fondi ukoll mistennija li jitnaqqsu. U dan meta pajjiżna regolarment jiġi ikklassifikat lejn l-aħħar fl-Ewropa fejn jidħol investiment fir-riċerka tgħid l-ADPD.
Tnaqqis ta’ investiment fl-edukazzjoni inevitabbilment iwassal biex jiskoraġġixxi studenti li jkomplu jistudjaw fuq livell terzjarju u dan mhux biss fl-Università. “L-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu hu fl-edukazzjoni. Imma sfortunatament għall-Gvern għada mhux prijorità” ikkonkluda Cacopardo.