Stat li jkisser il-familja jkun qiegħed ikisser l-għeruq tas-soċjetà tiegħu stess.

Stat li jkisser il-familja jkun qiegħed ikisser l-għeruq tas-soċjetà tiegħu stess.
Meta f’pajjiżna naraw statistika li turina li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ twelid fl-Ewropa, u dan huwa fatt, hawn f’Malta għandna għaliex ninkwetaw u naraw x’għandna nagħmlu bil-fatti u mhux bil-paroli biss.
Dan ifisser li f’pajjiżna l-familja hija mhedda fiżikament.
Pajjiżna se jiċkien u se jkollu bżonn il-barranin biex jibqa’ jaħdem u jaħdem għal min?
Meta l-familja, is-soċjetà Maltija ser tibda tonqos, tiċkien?
Jekk ser inkomplu nibnu, neqirdu aktar raba’, inkissru d-djar qodma u nibnu appartamenti, dawn għal min ?
Jekk bħala soċjetà Maltija se jkollna inqas ulied?
Fl-edukazzjoni, meta lit-tfal żgħar tagħna mhux nitkellmu magħhom bil-kliem “Missier” u “Omm”, meta għal dawn it-tfal żgħar tagħna, il-ġenituri, il-familja hija l-aktar ħajt ta’ kenn importanti għat-tfal, u dan il-ħajt ta’ kenn l-iStat irid ikissru quddiem it-tfal żgħar tagħna, x’responsabbiltà qed juri l-iStat lejn it-tisħiħ tal-familja u tal-istess Soċjetà? U dan huwa fatt.
Meta skont l-istatistika f’pajjiżna għandna fost l-inqas paga minima, u bosta huma l-familji, tagħna li qed jesperjenzaw problemi meta jibdew imissu l-faqar. X’responsabbiltà tal-iStat hi din li nibqgħu nġibu l-barranin biex insaħħu l-politika taċ-cheap labour?
Meta f’pajjiżna għandna problema bl-għoli tal-ħajja u quddiem din il-problema, l-unika soluzzjoni li joħroġ biha l-iStat hija li jibgħat ċekk ta’ rifużjoni ta’ taxxa meta filwaqt li jintbagħat dan il-ħlas, l-ispejjeż burokratiċi tal-iStat jibqgħu jiżdiedu bħal ma żdied il-prezz taċ-ċitazzjonijiet bil-barka tal-gvern u l-oppożizzjoni. X’responsabbiltà hija din min-naħa tal-iStat li mhux qed jirrendi impenn effettiv biex tassew tkun marbuta l-problema tal-għoli tal-ħajja li qed issawwat ħafna familji?
X’responsabbiltà hija dik ta’ l-istat li filwaqt li jwiegħed spazji miftuħa għall-familji, fil-Mellieħa, art tiġi mibjuha mill-gvern lill-privat biex tinbena?
Mela x’valur tal-Familja jgħożż l-istat meta qegħdin ngħixu fi żmien li qatt daqs illum ma għandna l-valur tal-ħajja u tal-istess familja u tal-libertà qed ikunu mhedda f’soċjetà fejn Alla tal-flus sar il-qofol ta’ kull deċiżjoni politika, ambjentali u soċjali f’pajjiżna?
Quddiem dawn il-fatti l-iStat jeħtieġ juri li bil-fatti jemmen fil-familja u jeħtieġ li:
1. Jekk irid jiġġieled il-faqar jibda jaħdem biex isaħħaħ l-familja.
2. Irridu nassiguraw ambjent xieraq għall-familja permezz ta’ bini li ma jibqax jibla’ l-arja u jagħlaq d-dawl tax-xemx.
3. Nassiguraw żoni miftuħa, playing fields għall-familji u għat-tfal nodfa minn kull skart bħal droga u skart ieħor li jista’ jfisser mard.
4. Traffiku regolat biex jitnaqqsu l-inċidenti kemm għal min ikun qiegħed isuq jew riekeb f’vettura kif ukoll għal dawk li mixjin fuq bankina.
5. Nassiguraw lin-nanniet jistgħu jgawdu lin-neputijiet u li t-tfal jkollhom aċċess ħieles biex izuru lin- nanniet. It-tfal tagħna għandhom bżonn lin- nanniet u n-nanniet għandhom bżonn lit- tfal tat-tfal.
6. Nassiguraw li dawk fil-periferija tas-soċjetà, kemm finanzjarjament kif ukoll soċjalment ikunu mgħejjuna jlaħħqu aħjar mal-ispiża tal-ħajja biex ma jaqgħux f’realtà tal-faqar.
7. Nassiguraw li l-istat ikun f’pożizzjoni fejn familji li jispiċċaw barra fit-triq ikollhom saqaf fuq rashom sakemm isibu post alternattiv mis-suq li jistgħu jħallsu għalih.
8. Nassiguraw servizz ta’ saħħa aktar effiċjenti fejn il-ġenituri bi tfal żgħar, familji ,anzjani u ħaddiema jkunu jistgħu jieħdu lit-tfal tagħhom, jieħdu s-servizz meħtieg meta ma jkollhomx aċċess għat-tabib tal-familja.
9. Nassiguraw li t-tfal ikollhom ħin biżżejjed fejn ikunu jistgħu jgħixuh fil-preżenza tal-ġenituri tagħhom.
10. Nassiguraw li l-istat ikollu politika għat-tisħiħ tal-familja fejn fil-pajjiż nibdew naraw deċiżjonijiet konkreti li jittieħdu biex naraw li l-familja Maltija u Għawdxija ma tispiċċax vittma tal-ġid immaġinarju tal-ideolġija ta’ xejn ma hu xejn li jġib fix-xejn il-valuri umani li jseddqu l-esperjenza sabiħa ta’ Solidarjetà li tant neħtieġu fil-pajjiż biex ilkoll kemm aħna nħossuna ngħixu jimpurtana minn xulxin bħala familja waħda naħdmu biex ma naraw lil ħadd ma jaqa’ lura fil-periferija tal-istess Soċjetà.
Fuq kollox il-fatt jibqa’ li jekk irridu neqirdu l- faqar mis- soċjetà jeħtieġ li nemmnu li bħala Stat neħtieġu nsaħħu l-familja u jekk irridu tassew Stat soċjalment, ekonomikament u moralment b’ saħħtu, l-iStat jeħtieġ jemmen fit-tisħiħ tal- familja.

Moviment Solidarjeta’- Edwin Vassallo