L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tiftaħ illum fl-MFCC, Ta’ Qali, u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 22 ta’ Ottubru, bit-tema #kotbakitbauaktar. Il-Festival tal-Ktieb huwa l-aktar avveniment popolari li għandu x’jaqsam mal-kotba u għandu l-għan li jwassal esperjenza multisensorja li tmur lil hinn mill-kelma miktuba għad-dinja tal-illustrazzjoni, il-mużika, it-teatru, il-film, u aktar.
Waqt il-ftuħ uffiċjali tal-festival, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, qal “Id-dinja tal-ktieb illum-il ġurnata m’għadhiex biss dik miktuba, imma bl-avvanz tat-teknoloġija l-qari ħa forom oħrajn permezz tal-mezzi diġitali. Mal-kitba hemm ukoll ix-xogħol kbir tal-illustrazzjoni, filwaqt li l-kitba hija wkoll il-bażi taċ-ċinematografija, tat-teatru u oqsma oħrajn li jagħmlu din id-dinja letterarja waħda interessanti u rikka.”
Huwa enfasizza li l-qari huwa wieħed mill-pedamenti tal-edukazzjoni u huwa għalhekk li parti mir-responsabbiltà tas-settur edukattiv hija li jkun imħeġġeġ il-qari minn età bikrija. “Il-litteriżmu huwa pilastru ewlieni tal-edukazzjoni u huwa għalhekk li qed jingħata importanza fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li se tkun imnedija għall-konsultazzjoni pubblika f’qasir żmien”, qal il-Ministru Grima.
Fil-festival se jkun hemm madwar 50 esebitur u programm varjat ta’ attivitajiet, fosthom gruppi ta’ ħidma u masterclasses minn mistiedna internazzjonali. Fost dawn, il-kittieba bestseller tal-polizjesk Sam Blake se tiltaqa’ ma’ studenti post-sekondarji u se tkellimhom dwar l-ispirazzjoni u l-proċess tal-kitba.
Għall-Festival mistennija jattendu eluf ta’ studenti li se jkollhom programm ta’ attivitajiet li jinkludi shows teatrali spirati minn rebbieħa mill-imgħoddi tal-Premju Terramaxka għat-tfal u ż-żgħażagħ. Se jkun hemm sensory room maħsuba għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu, kunċert VII/Fidwa li huwa kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Teatru Malta bil-parteċipazzjoni tad-duo The New Victorians.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret l-inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bl-introduzzjoni ta’ sensory room bħala parti mill-fiera. Hija saħqet kif il-qari, il-fieri u attivitajiet simili għandhom ikunu aċċessibbli b’kull mod, għal kulħadd, kemm b’mod fiżiku kif ukoll b’mod sensorjali. “B’dan il-mod nassiguraw li, kif tgħid il-Konvenzjoni u l-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, il-kultura, l-arti u r-rikreazzjoni, fil-forom kollha tagħhom, ikunu tassew jistgħu jinkludu lil kulħadd,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
L-arti viżiva se tieħu l-forma ta’ esebizzjoni From Illustration to Book li se tittella’ għat-tieni darba konsekuttiva, u l-Mural Interattiv li qed jittella’ b’ħidma mal-Malta Community of Illustrators li se jiffoka fuq il-qawwa tal-illustrazzjoni li ġġib bidla soċjali. Il-Festival jagħti importanza lil-lingwa Maltija, billi se jospita l-wirja ta’ Heritage Malta “Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali” li se timxi mal-istorja tal-ilsien bis-saħħa ta’ dokumenti u kotba intriganti. L-Agenzija tal-Enerġija u l-Ilma se toffri opportunità lit-tfal u l-istudenti biex jipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi u esperimenti xjentifiċi dwar il-provvista, is-sostenibbiltà, l-aċċess u d-dipendenza fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-enerġija.
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jiftaħ il-bibien tiegħu bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru kif ġej: l-Erbgħa u l-Ħamis bejn id-9am u s-1pm, u bejn il-5pm u d-9pm; il-Ġimgħa bejn id-9am u s-1pm u bejn il-5pm u l-10pm; is-Sibt bejn id-9:30am u l-10pm; u l-Ħadd bejn id-9:30am u t-8pm.