Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali nieda proċess ta’ konsultazzjoni mal-kunsilli reġjonali u l-kunsilli lokali fi ħdanhom, bi tħejjija għall-iżvilupp tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern Lokali.
Waħda mill-wegħdiet elettorali tal-Gvern hija t-tisħiħ tal-istrutturi tal-Kunsilli Reġjonali u lokali. “Għalhekk huwa d-dmir tagħna li noħolqu strateġija u nimplimentawha bl-aħjar mod favur il-lokalitajiet u l-ġid tar-residenti Maltin u Għawdxin,” saħqet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie ppreżentat dokument b’erba’ temi ta’ konsultazzjoni li huma: governanza tajba u effettiva, it-tisħiħ tal-kunsilli reġjonali, lokalitajiet b’ambjent aktar nadif u kunsilli lokali viċin in-nies. Dawn it-temi se jservu bħala qafas għall-konsultazzjoni bejn l-imsieħba kollha tal-Gvern Lokali.
Matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jsiru laqgħat bejn il-kunsilli reġjonali u l-kunsilli lokali fi ħdanhom, kif ukoll se jsiru laqgħat ma’ msieħba oħra tal-Gvern Lokali, ma’ entitajiet governattivi u ma’ dawk li b’xi mod jew ieħor għandhom xi influwenza fuq it-tmexxija u l-ħidma tal-Kunsilli Lokali.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali s-Sur Natalino Attard qal li “din ir-riforma ser isservi ta’ tiġdid fil-qasam tal-Gvern Lokali, għaliex il-kunsilli lokali u reġjonali għandhom jaġġornaw maż-żmenijiet sabiex is-servizz mogħti minnhom jilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini.”
Waqt il-konferenza ġew preżentati wkoll l-istemmi eraldiċi l-ġodda tal-kunsilli reġjonali, hekk kif fil-bidu tas-sena 2022 minn ħames kunsilli reġjonali telgħu għal sitta. Filwaqt li l-Kunsill Reġjonali taċ-Ċentru sar il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant, u l-Kunsill Reġjonali tax-Xlokk sar il-Kunsill Reġjonali tal-Port, twaqqaf ukoll il-Kunsill Reġjonali ġdid tal-Punent. L-istemmi eraldiċi ġodda ġew ddisinjati minn esperti eraldiċi u ġew ppubblikati permezz ta’ avviż legali.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll il-Presidenti u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Reġjonali, il-President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni s-Sur Paul Gatt u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali s-Sur Mario Fava.