140 artist jingħaqdu għall-ewwel kunċert “Il-Mużika Tgħaqqadna” fil-21 ta’ Diċembru li ġej

Fil-21 ta’ Diċembru li ġej se ssir l-ewwel edizzjoni tal-kunċert għall-Istrina, “Il-Mużika Tgħaqqadna” fl-MFCC, Ta’ Qali, bis-sehem ta’ ‘l fuq minn 140 artist li volontarjament se jtellgħu spettaklu għall-familja kollha b’risq The Malta Community Chest Fund (MCCF).
Waqt it-tnedija, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-mużiċisti minn 33 għaqda tal-banda, koristi, atturi u żeffiena li fil-ġimgħa tal-Milied se jingħaqdu permezz tal-mużika bil-għan li jgħinu lill-MCCF tkompli tgħin lil aktar familji u individwi fil-bżonn.
“Il-familji se jkollhom opportunità oħra li jiddevertu waqt li jkomplu japprezzaw mill-qrib il-valur soċjali, edukattiv u kulturali tal-baned fil-ħajja tal-ibliet u l-irħula tagħna,” qal il-President Vella.
Noel Camilleri, il-president tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qal li l-kunċert, li se jinkludi numru ta’ siltiet tal-Milied u oħrajn klassiċi, se jieħu bixra differenti minn kunċerti oħrajn minħabba arranġamenti ġodda u s-sehem tal-atturi, iż-żeffiena u l-koristi.
“Dan il-kunċert se jkun ħolqa oħra importanti fejn il-mużika tassew tgħaqqadna flimkien għal għan wieħed, dak li nkomplu ngħinu lil min tassew għandu bżonn l-għajnuna,” qal is-Sur Camilleri.
Il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mro Daniel Vella u Mro Justin Martin, u d-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi. Il-preżentatur se jkun Ron Briffa.
Il-biljetti għall-kunċert qed jinbiegħu għall-prezz ta’ €20 u €25 minn showshappening.com.​