Malta qed taħdem biex ittejjeb is-sħubija tagħha fi ħdan l-Aġenzija Spazjali Ewropea

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti attenda għall-Kunsill Ministerjali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA Council) fl-aħħar jiem f’Pariġi, li jiġi organizzat bejn l-istati membri, l-istati assoċjati u l-istati osservaturi kull tliet snin.
F’dan il-Kunsill Ministerjali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea ġew imħabbra l-fondi allokati minn kull stat membru għas-snin li ġejjin fejn jidħlu inizjattivi spazjali, b’żieda ta’ 17% fuq il-budget tal-aħħar Kunsill Ministerjali li seħħ fl-2019. Dawn l-inizjattivi jinkludu l-ħarsien għat-tibdil fil-klima, komunikazzjoni u navigazzjoni u l-użu tas-servizzi spazjali, fost diversi oqsma oħra.
Malta kienet preżenti flimkien ma’ dawn l-istati membri bħala osservatur, b’impenn li tinvolvi ruħha b’aktar riżorsi fis-settur. Fi ftit snin oħra, Malta se ttejjeb is-sħubija tagħha fi ħdan l-Aġenzija Spazjali Ewropea, għal Stat Ewropew Koperattiv (PECS). Dan l-istatus mhuwiex se jħalli aktar lil pajjiżna josserva l-pajjiżi l-oħra jaġixxu, iżda se jimpenja lill-Gvern jalloka mal-aġenzija minimu ta’ €1.5 miljun fis-sena għal perjodu ta’ ħames snin li se jiġu investiti kollha ghat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-riċerka spazjali f’Malta.
Diversi riċerkaturi lokali se jkollhom l-opportunità li jsarrfu dak li tgħallmu akkademikament f’pajjiżna billi jwettqu proġetti ta’ riċerka kemm mas-settur pubbliku u anki mal-privat. Dan jista’ jwassal għal benefiċċji kbar għal pajjiżna f’diversi setturi importanti, fosthom l-ambjent, is-settur marittimu u dak tal-avjazzjoni. Dan sabiex inkunu aktar sostenibbli.​