ADPD-Malta ġusta… għal min? – l-ewwel reazzjoni baġit 2024

Żidiet mhux suffiċjenti, tkompli il-ħela permezz tas-sussidji lil kulħadd inkluż lil min m’għandux bżonnhom.

FiIwaqt li ż-żidiet imħabbra għall-paga minima huma pass fid-direzzjoni t-tajba, dawn huma ferm ‘il-bogħod minn dawk meħtieġa għal għajxien diċenti. Fil-baġit stennejna wkoll li jitħabbar il-mod kif sejjer jitnaqqas l-infieq tas-sussidji, biex anke dawn, isiru iktar ġusti, għal enerġija li fi kliem il-Ministru tal-Finanzi stess huma insostenibbli. Dan qalitu ċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci fl-ewwel reazzjoni tal-partit għall-baġit 2024.

Iż-żidiet li tħabbru fil-baġit għall-paga minima huma ‘l-bogħod wisq minn dak li diversi studji li saru jindikaw. Filwaqt li huwa pożittiv li l-Gvern fl-aħħar irrikonoxxa li l-paga minima għandha tiżdied mhux ċar kif din iż-żieda ġiet stabilita. Il-kritierji li intuzaw biex ġew stabiliti ż-żidiet imħabbra huma mistura. Il-Caritas f’Malta għamlet diversi studji u fl-aħħar wieħed sabet li familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal għandha bżonn dħul ta’ ftit anqas minn €14,000 fl-2020. Dak kien madwar €4,000 fis-sena iktar mill-paga minima. Dan ifisser li l-paga minima fl-2020 kienet 40% anqas minn dak il-livell minimu ta’ dħul diċenti. Dawk fuq il-paga minima huma tabilħaqq il-ħaddiema foqra li bil-paga minima kif qed tiġi proposta, xorta ma jistgħux jgħixu biha. ADPD ilha tinsisti fuq il-ħtieġa li jinbidel il-baskett ta’ prodotti u servizzi li jwassal għal paga minima. Mhuwiex magħruf kif ġiet maħduma l-paga minima maqbula bejn l-hekk imsejjħa imsieħba soċjali. Iż-żieda a bażi tal-istudju tal-Caritas kellha tkun ta’ 78 Euro fil-ġimgħa u mhux 15-il Ewro fuq tliet snin kif ġie maqbul. Li hemm bżonn hija żieda permanenti fil-’COLA temporanja’ għal dawk f’riskju ta’ faqar.

L-ADPD ilha tgħid li s-sussidju fuq l-enerġija setgħet tkun opportunità unika biex jinkorraġixxi bidla fl-istil tal-ħajja li jkun wieħed aktar sostenibbli. M’aħniex konvinti li l-ispiża ta’ €70,000 fis-siegħa bħala sussidji huwa neċessarjament l-aħjar mod kif jiġu allokati ir-riżorsi limitati ta’ pajjiżna. Hu għaldaqstant il-mument ukoll li niffukaw fuq jekk hemmx metodi aħjar dwar kif jistgħu jintużaw is-sussidji b’mod partikolari dawk applikati għall-petrol, diesel u elettriku. Il-prezzijiet internazzjonali se jdumu għoljin.

Gauci sostniet li bla dubju, l-konsum bażiku u essenzjali tal-elettriku għad-djar, għandu jibqa’ jkun issussidjat imma l-bqija tas-sussidju għall-elettriku u l-fuels għandu jkunu mixtarra mill-ġdid. Dawk is-setturi ekonomiċi li huma dipendenti ħafna fuq l-użu tal-petrol jew id-diesel jistgħu jiġu mgħejuna direttament b’assistenza speċifika li tikkonsidra dawk il-ħtiġijiet.

Tnaqqis fis-sussidji jista’ jwassal ukoll biex jkun hemm iktar investimenti neċessarja f’oqsma li verament iwasslu għal  titjib fil-ħajja għal ġenerazzjonijiet futuri – investimenti fl-edukazzjoni, u t-tranżizzjoni urġenti lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fost oħrajn.

Għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hemm bżonn li jkun hemm użu iktar għaqli tar-riżorsi limitati li għandu pajjiżna. ADPD jidhirlu li dan il-Budget seta’ jkun immirat aktar biex jieħu l-ewwel passi għal titjib fil-livell ta’ għajxien ta’ kulħadd b’mod permanenti, biex ħadd ma jibqa’ tallab tal-istat, temmet tgħid Gauci.