Aktar opportunitajiet permezz ta’ Erasmus+ fis-settur tal-isport

Tnedew tliet skemi tal-Erasmus+ li se jagħtu opportunità lill-organizzazzjonijiet sportivi, kowċis, l-istaff tal-klabbs u l-voluntiera biex jingħaqdu ma’ sħabhom Ewropej f’opportunitajiet barra minn Malta.
Dawn ġew imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, u l-Kap Eżekuttiv tal-European Union Programmes Agency (EUPA) Joseph Schembri.
Grazzi għal din is-sejħa l-ġdida, mill-2023 ‘il quddiem, kull sena madwar 30 kowċ minn klabbs differenti se jintbagħtu biex jitħarrġu barra minn pajjiżna. Sal-2027, b’investiment ta’ madwar €135,000 se jkunu ntbagħtu mhux inqas minn 150 kowċ, sabiex il-klabbs u l-għaqdiet sportivi jkomplu jagħmlu unur lil pajjiżna fuq livell Ewropew.
Skema oħra ffinanzjata direttament mill-Kummissjoni Ewropea, b’investiment ta’ madwar €50 miljun fis-sena, tagħti l-opportunità biex organizzazzjonijiet sportivi Maltin u Għawdxin isaħħu l-istrutturi, il-kompetenzi u l-operat tagħhom billi jissieħbu fi proġetti ta’ partnerships ma’ pajjiżi oħrajn.
Żgħażagħ sportivi ta’ bejn it-13 u t-30 sena qed jingħataw ukoll l-opportunità li jipparteċipaw f’youth exchanges, b’investiment ta’ €700,000 kull sena.
Il-Ministru Grima tkellem dwar l-impenn tal-gvern f’dan is-settur, mhux biss billi qed jgħolli l-livell tal-faċilitajiet sportivi għal livell internazzjonali, imma wkoll bl-investiment dirett fl-atleti, l-uffiċjali sportivi u fuq kollox iż-żgħażagħ. “Il-baġit għas-sena d-dieħla qed jara investiment ta’ €18.7 miljun, li qed jiġu investiti biex l-atleti jkunu jistgħu jgawdu mill-aħjar faċilitajiet sportivi fuq livell internazzjonali, imma wkoll biex ngħinu lill-atleti, l-uffiċjali u ż-żgħażagħ jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, anki b’għajnuna finanzjarja u opportunitajiet barra min pajjiżna,” qal il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li għal darb’oħra, permezz ta’ fondi li ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea, qegħdin jagħtu aktar opportunitajiet lill-isportivi biex jitħarrġu u jiksbu opportunitajiet barra minn xtutna. Huwa spjega li, “Permezz tal-inizjattiva tal-kowċis u tal-youth exchanges, sal-2027, se nkunu qed nagħtu opportunità biex l-isportivi jipparteċipaw fi proġetti flimkien ma’ sportivi kollegi barranin, u li potenzjalment, flimkien jistgħu jibbenefikaw minn pakkett ta’ fondi esklussiv għal Malta li jlaħħaq it-€3.5 miljun. Dan l-ammont kapaċi jkompli jikber jekk kemm-il darba l-organizzazzjonijiet Maltin jagħmlu sforz biex jipparteċipaw fi proġetti ta’ partnerships, li jaqgħu taħt l-azzjoni ċentralizzata.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-EUPA Joseph Schembri ħeġġeġ lil dawk preżenti u lill-organizzazzjonijiet sportivi kollha f’pajjiżna biex jiżguraw li jimmassimizzaw l-użu ta’ dawn l-opportunitajiet billi jkellmu lill-EUPA jew lil Servizzi Ewropej f’Malta biex jiksbu aktar informazzjoni dettaljata u l-għajnuna meħtieġa dwar kull skema li tħabbret. Huwa enfasizza li l-Unjoni Ewropea temmen li biex kull sportiv jikseb suċċess, mhux biżżejjed li wieħed jiddedika ħin twil għat-taħriġ, iżda hemm ukoll il-ħtieġa kruċjali li kull sportiv jiżviluppa l-ħiliet personali u dawk soċjali u dawn joffrihom il-programm Erasmus+.​​