Issa nżilna sular ieħor fil-basement tal-immoralità f’pajjiżna.
Veru każ ta’ fejn il-ħażin ma jieqaf qatt.
Wasalna nemmnu li bil-korruzzjoni tal-verità tista’ tiġġieled il- korruzzjoni tal-flus.
Wasalna nemmnu li ma hemmx bżonn tkun korrett biex tiġġieled il-korrott.
Wasalna nemmnu li bi dritt divin, ħaqqna l-kundanna ta’ min nemmnu li hu ħażin bla ħniena.
Wasalna nifirħu lil min joħroġ fil-pubbliku dak li kien miżmum milli joħroġ fil-pubbliku mill-Qorti stess.
Wara ġimgħa nsejna għal kollox is-serqa tal-isptarijiet u daħlet ħadma oħra .
L-issue tal-isptar ijiet saret gwerra partiġġjana bejn Nazzjonalisti u Laburisti, minflok ma rajna l-enerġija politika tingħaqad f’ġieħ il-ġid komuni biex naraw kif nerġgħu nieħdu lura l-isptarijiet u noffru viżjoni lejn it-titjib tas-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna.
Minflok qed naraw kif nirbħu minn din is-sentenza tal-qorti biex noffru soluzzjoni għall-problemi fis-servizzi tas-saħħa fejn illum kulħadd iħoss li s-servizz preżenti mhux ilaħħaq mad-domanda.
Dan il-pajjiż tagħna ma jiflaħx jibqa’ jiġġieled nazzjonalisti kontra laburisti hemm barra u f’pajjiżna għandna problemi u sfidi li jeħtiegu attenzjoni tal-enerġija politika kollha flimkien.
Għandna gwerra li ftit li xejn jimpurtana minnha f’pajjiżna. Għandna kollas finanzjarju li nittamaw li mhux il-bidu ta’ esperjenza oħra tal-finanzjarju dinji.
Għandna l-problema tal-kriminalità fit-toroq tagħna li qed toħloq biża’ u inċertezza f’pajjiżna fost il-poplu tagħna.
Għandna l-problema tal-għoli tal-ħajja li qed toħloq problemi ta’ veru fost ħafna familji. Dan kollu jwassal biex jikber in-numru ta’ familji li ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Għandna gvern li issa spiċċa vittma tal-istejjer tal-korruzzjoni li kiteb u vvinta hu stess. Dan joħloq stress żejjed fuq is-serħan tal-moħħ li jeħtieġ il-politiku biex jaħseb u jieħu d- deċiżjonijiet.
Għandna l-industrija tal-bini li qed tara tnaqqis fid-domanda, dan iwassal biex il-gvern ikollu joħroġ permessi għall-proġetti kbar biex iżommu r-ritmu ta’ xogħol għaddej. Dan pajjiż li spiċċa jiddependi mill-industrija tal-bini.
Għandna n-negozju f’pajjiżna li qed jara d-domanda tal-konsum tonqos u l-kummerċ qed jonqos fis-settur tal-ħwienet. Nittamaw li naraw kummerċ aħjar fix-xhur li ġejjin.
Għandna t-traffiku kuljum jispiċċa f’għoqda ta’ traffiku u dan qed joħloq stress, nervi u spejjez għall-poplu tagħna.
Għandna pajjiż li kulma jmur qiegħed isir ġungla fejn wieħed jgħaffeġ fuq l-ieħor biex isalva.
Għandna istituzzjonijiet li tilfu kull awtorità morali, fejn ħadd ma għadu jitkellem f’isem is-sewwa. Ir-rebgħa għall-poter u l flus kilitna.
Għandna ġenituri inkwetati dwar it-tagħlim tal-PSCD lil uliedhom.
Għandna sens ta’ tajjeb u tjubija li tlifna f’pajjiżna, tlifna kull sens ta’ valuri għalhekk tlifna kull sens ta’ solidarjetà biex rebħuna l-egoiżmu, l-indifferenza lejn il-ħtiġijiet ta’ xulxin u ġejna mirbuħa minn sens qawwi ta’ rebgħa għall-flus.
Nittama biss li din il-gwerra bejn Nazzjonalisti u Laburisti ma tispiċċax aljenazzjoni mill-problemi l-oħra li qed jieklu poplu minn ġewwa.
Veru li jixirqilna aħjar iżda jixirqilna aħjar minn kulħadd u minn xulxin. Neħtieġu mmorru lura għall-valuri tas-sewwa għaliex issa nafu kemm jiswa n-nuqqas ta’ rispett lejn dawn il- valuri.