EU -Effiċjenza enerġetika tal-bini: il-MPE bi pjanijiet għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur

  • Mill-2030, il-bini l-ġdid għandu jkun mingħajr emissjonijiet
    Miżuri li jgħinu jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u jiġġieldu t-tibdil fil-klima
    Il-bini agrikolu u l-bini ta’ wirt kulturali jistgħu jiġu esklużi

    Il-bini jikkontribwixxi għal 36% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE

Nhar it-Tlieta, il-MPE adottaw pjanijiet, diġà maqbula mal-Kunsill, biex jgħinu jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur tal-bini.
Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas b’mod sostanzjali l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) u l-konsum tal-enerġija fis-settur tal-bini tal-UE u li sal-2050 tagħmilha newtrali għall-klima. Għandha wkoll l-għan li jsiru rinnovazzjonijiet fuq aktar bini bl-agħar rendiment u ttejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.
Miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet
Mill-2030, il-bini l-ġdid kollu għandu jkun mingħajr emissjonijiet; mill-2028, bini ġdid li jkun okkupat minn awtoritajiet pubbliċi jew li jkun proprjetà tagħhom għandu jkun mingħajr emissjonijiet. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jqisu l-potenzjal tat-tisħin globali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini, li jinkludi l-produzzjoni u r-rimi tal-prodotti ta’ kostruzzjoni użati biex jinbena l-bini.
Għall-bini residenzjali, l-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu miżuri biex jiżguraw tnaqqis fl-enerġija primarja medja użata ta’ mill-inqas 16% sal-2030 u mill-inqas 20 sa 22% sal-2035.
Skont id-Direttiva l-ġdida, l-Istati Membri se jkollhom jirrinovaw is-16% tal-binjiet mhux residenzjali bl-agħar rendiment sal-2030 u, sal-2033, l-agħar 26%. Dan se jsir permezz ta’ rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.
Jekk ikunu teknikament u ekonomikament adattati, l-Istati Membri jkollhom jibdew jużaw l-installazzjonijiet solari b’mod progressiv f’bini pubbliku u mhux residenzjali, skont id-daqs tagħhom, u fil-bini residenzjali l-ġdid kollu sal-2030.
It-tneħħija gradwali tal-bojlers tal-fjuwils fossili
L-Istati Membri jridu jadottaw miżuri għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u jeliminaw gradwalment il-fjuwils fossili fit-tisħin u t-tkessiħ bil-ħsieb li sal-2040 jitneħħew kompletament il-bojlers tal-fjuwils fossili. Mill-2025, is-sussidji għall-bojlers tal-fjuwils fossili awtonomi se jkunu pprojbiti. L-inċentivi finanzjarji xorta se jkunu possibbli għal sistemi ibridi tat-tisħin, bħal dawk li jikkombinaw bojler ma’ installazzjoni termali solari jew pompa tas-sħana.
Eżenzjonijiet
Il-bini agrikolu u l-bini ta’ wirt kulturali jistgħu jiġu esklużi mir-regoli l-ġodda, filwaqt li l-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jeskludu wkoll bini protett għall-mertu arkitettoniku jew storiku speċjali tagħhom, bini temporanju, u knejjes u postijiet ta’ qima.
Il-passi li jmiss
Id-direttiva ġiet adottata b’370 vot favur, 199 kontra u 46 astensjoni. Issa se jkollha wkoll tiġi approvata formalment mill-Kunsill tal-Ministri, sabiex issir liġi.
Sfond
Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-bini fl-UE huwa responsabbli għal 40% tal-konsum tal-enerġija tagħna u 36% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta leġiżlattiva biex tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, bħala parti mill-hekk imsejjaħ pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”. Liġi Ewropea ġdida dwar il-Klima (Lulju 2021) inkorporat kemm il-miri tal-2030 kif ukoll dawk tal-2050 f’liġi Ewropea vinkolanti.
Konferenza dwar il-futur tal-Ewropa
Il-leġiżlazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija hija allinjata direttament mal-objettivi u l-proposti li ħarġu mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFE), bl-għan li ssaħħaħ l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-UE. Din l-inizjattiva leġiżlattiva hija marbuta ma’ proposti tal-CoFE bħat-tisħiħ tar-rwol tal-muniċipalitajiet fl-ippjanar urban biex tiġi appoġġata l-infrastruttura blu-ħadra (il-Proposta 2(3)), it-tnaqqis tad-dipendenzi mill-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass permezz ta’ proġetti ta’ effiċjenza enerġetika (il-Proposta 3(3)), u l-appoġġ attiv għal proġetti ta’ effiċjenza enerġetika biex tinkiseb aktar awtonomija fil-qasam tal-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija (Proposta 18(2)).