Għandna naraw li n-numri ta’ turisti li jiġu f’pajjiżna ikun wieħed sostenibbli u li ghandna l-infrastruttura li tista’ tilqa’ għal dan l-influss. Dan sostnewh kelliema tal-ADPD-The Green Party f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tat-Turiżmu fil-Belt Valletta dalgħodu, filwaqt li insistew li m’għandu jsir l-ebda żvilupp fuq Kemmuna, għax Kemmuna hi żona protetta.
Is-Segretarju Ġenerali u kandidat għall-Parlament Ewropew tal-ADPD Ralph Cassar qal li ċifri li ħarġu dwar it-turiżmu din is-sena juru li kważi lħaqna n-numri ta’ qabel il-Covid. Madanakollu, f’dan is-settur irridu naraw li n-numri jkunu sostenibbli għal-pajjiż u mhux pajjiż li diġa għandu l-iktar popolazzjoni b’densita’ għolja jispiċċa aktar iġġammjat mis-soltu fis-sajf għax m’aħniex kapaċi inlaħħqu man-numri.
Għalxejn niffanfraw bin-numri fit-turiżmu, jekk l-infrastruttura ma tlaħħaqx, is-servizz ta’ tal-linja jispiċċa mballat u m’hemmx servizzi bħal ġbir ta’ skart adegwat u sistema ta’ drenaġġ li tlaħħaq maż-żieda qawwija fin-numri. Dan kollu iwassal biex noffru esperjenza pjuttost qarsa lil min iddeċieda li jqatta’ l-btala tiegħu hawn Malta jekk dan jeħel fit-traffiku, jara l-gżira b’munzelli ta żibel u l-ibħra tagħna bid-drenaġġ ifur ġo fihom. Hemm bżonn li naraw kemm eżatt jiflaħ il-pajjiż u naħdmu fuq il-kwalità tal-prodott speċjalment fid-dawl li mdawwrin b’pajjiżi li huma kompetituri diretti magħna u li jistgħu joffru esperjenza isbaħ u irħas.
Din l-idea li rridu nimlew kemm nifilħu qisna qed nimlew dundjan għax-xiwi trid tinbidel f’ waħda ta’ kemm spejjeż qed joħolqulna t-turisti. Turisti u sodod innaqqsu għandna bżonn, żgur mhux inżidu. M’hemmx bżonn bini ta’ aktar lukandi jew li lukanda iżżid is-sulari. Il-ġbir, tindif, infurzar fejn jidħol l-iskart addizzjonali għandu jitħallas mit-turist, kif isir f’pajjiżi oħra.
Diġa hemm ekokontribuzzjoni li tmur għand l-MTA biex ‘isebbħu żoni turistiċi’. Din il-kontribuzzjoni minflok tinħela mill-MTA għandha tinqasam bejn ir-reġjuni/Kunsilli Lokali f’porzjonijiet skond id-daqs tal-lokalitajiet u skond in-numru ta’ turisti f’akkomodazzjoni turistika u attrazzjonijiet turistiċi fil-lokalitajiet.
L-ammont ta’ kontribuzzjoni minn kull turist bħalissa huwa tad-daħk: 50 ċenteżmu kull lejl sa massimu ta’ 5 Ewro. L-ammont għandu l-ewwelnett ikun bla massimu – aktar ma ddum hawn aktar trid tħallas tas-servizzi u l-piż fuq l-infrastruttura. U 50 ċenteżmu huma tad-daħk; 1 jew 2 Ewro kuljum kull persuna tagħmel aktar sens. Nistgħu niddiskutu kemm għandha tkun il-kontribuzzjoni imma żgur li għandha tintefaq fuq servizzi addizzjonali fil-lokalitajiet tagħna, temm jgħid Cassar.
Iċ-Chairperson u kandidata għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD, Sandra Gauci qalet li Kemmuna hija simbolu ta’ x’hemm ħażin fil-politika tal-gvern dwar it-turiżmu. Meta jkollok Ministru tat-Turiżmu joħroġ stqarrija li anqas deckchairs se tkun tfisser anqas turisti għal Kemmuna, tinduna kemm qegħdin f’idejn xi ħadd li lanqas biss tgħaddilu minn rasu li jieħu ħsieb sit ta Natura 2000 bħalma hi Kemmuna u li jrid jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien. In-nuqqas ta’ rieda minn dan il-gvern li jipproteġi kif suppost lil-Kemmuna hija evidenti specjalment meta jinjora l-għadab tan-nies bl-influss massiv li l-gżira ċkejkna żgur ma tiflaħx għalih.
Aħna tal-ADPD konna u nibqgħu kontra kull żvilupp fuq Kemmuna li għanda tinżamm bħala wirt naturali u mhux tintuża għal-skopijiet spekulattivi. Il-bżonnijiet ta’ dan il-wirt naturali għandhom jieħdu priorita fuq il-bżonnijiet ta min irid jaqla lira a skapitu tal-abbuż fuq wirt li hu ta kulħadd.
Gauci kompliet tgħid li il-kunflitt ta’ interess li għandu l-ministru b’familjari b’negozji f’Kemmuna juri kemm il-mInistru qieghed iġib l-interessi personali qabel dawk ta’ kulħadd u speċjalment dwar x’hemm bżonn isir f’Kemmuna. Il-fatt li spekulaturi bħal Hili jridu jibnu mhux biss hotel imma anke ħwienet juri li l-ħsieb li anke gżira diżabitata bħal Kemmuna se taqbad it-triq ta’ Malta u Għawdex u taqa’ taħt l-għanqbuta tal-kostruzzjoni; hemm fejn la hemm bżonn u lanqas ħtieġa. Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli għandha d-dmir li tippreserva dan is-sit minn kull forma ta’ spekulazzjoni u trabbi s-sinsla u tieħu pożizzjoni ċara favur Kemmuna, jaħseb x’jaħseb il-Ministru Bartolo.
Hemm bżonn li jsir capping ta’ kemm il-turist imur Kemmuna. It-tnaqqis tal-ammont ta’ deckchairs, wegħda li kien għamilha fl-2022 wara protesta iżda li qatt ma nżammet, hija biss bżar fl-għajnejn. Kemmuna huwa post protett u l-gvern għandu jxejjen kull tentattiv ta’ spekular fuq gżira li hi wirt tal-poplu Malti u mhux magna tal-flus għall-ħbieb tal-ħbieb, temmet tgħid Gauci.