Malta tpoġġi l-isfida tat-traffiku fl-ibliet Ewropej bħala prijorità fuq l-aġenda waqt laqgħa ministerjali tal-Ministri għat-Trasport

L-isfida tat-traffiku fl-ibliet Ewropej speċjalment f’pajjiżi fejn il-popolazzjoni hi densa tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja, tal-konnettività, il-kummerċ, u toħloq sfidi soċjali u ta’ saħħa mentali. Dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod kollettiv.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt laqgħa Informali tal-Ministri għat-Trasport f’Barċellona.
Il-Ministru Farrugia saħaq fuq l-importanza ta’ monitoraġġ mill-qrib tat-traffiku u l-impatt tiegħu fuq is-soċjetajiet tagħna. “Matul din il-laqgħa, ħassejna l-ħtieġa li nqajmu l-kwistjoni tat-traffiku u l-impatt li jġib miegħu fuq l-aġenda tal-ministri għat-Trasport tal-Unjoni Ewropea. It-traffiku għandu mpatt dirett fuq kwalunkwe ekonomija, l-kummerċ u l-konnettività tagħha. Diversi studju juru wkoll korrelazzjoni diretta bejn it-traffiku u s-saħħa mentali. Għal dan il-għan, imbarkajna fuq pjan ambizzjuż biex nipprovdu lin-nies tagħna soluzzjoni realistika għall-karozzi personali. It-trasport pubbliku jista’ ma jaħdimx il-ħin kollu għal kulħadd, iżda ċertament qed joffri alternattiva. Ninsabu impenjati biex inkomplu nżidu l-frekwenzi tal-karozzi tal-linja, filwaqt li fl-istess ħin nimplimentaw proġetti akbar bħall-ewwel korsiji ta’ mobilità attiva f’Malta permezz ta’ investiment ta’ €35 miljun u infrastruttura tat-toroq aħjar.”
“Malta ħadet diversi inizjattivi biex tiżgura li s-settur tat-trasport ikun u jibqa’ aċċessibbli għal kulħadd. Fit-trasport pubbliku, Malta bdiet telimina l-ispejjeż tal-biljetti lil ċerti gruppi demografiċi snin ilu, sal-punt li issa t-trasport pubbliku huwa b’xejn għal kulħadd. Barra minn hekk, matul is-snin li għaddew daħħalna inċentivi finanzjarji relatati ma’ vetturi bi fjuwils alternattivi u, b’mod partikolari, vetturi elettriċi bl-intenzjoni li jitnaqqas id-differenza fil-prezzijiet. Il-ġimgħa li għaddiet, inawgurajna 30 vettura ġdida kompletament elettrika li se jiżdiedu mal-flotta tat-trasport pubbliku. Dan se jirriżulta f’16-il frekwenza ġdida u sa 410 vjaġġ iżjed kuljum. Id-domanda qed tiżdied u dan qed nindirizzawh,” qal il-ministru. Huwa żied jgħid li l-effiċjenza, l-aċċessibbiltà u l-affidabbiltà ta’ forom sostenibbli ta’ trasport qed ikomplu jitjiebu, iżda hemm aktar xi jsir.
Il-ministru spjega wkoll li l-introduzzjoni tas-servizz tal-fast ferry għall-passiġġieri bejn Malta u Għawdex, tejbet il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer u kkontribwiet ukoll għal mobilità aktar effiċjenti u nadifa, hekk kif din tinkoraġġixxi l-użu tat-trasport pubbliku minn dawk li jagħmlu użu minnha. Din hija soluzzjoni eħfef u aktar spedita għall-aċċess għas-servizzi u għar-residenti Għawdxin, filwaqt li tiftaħ rotta oħra għat-turiżmu f’Għawdex.​