Għada jirritorna l-Malta International Airshow

Kollox lest għar-ritorn tal-Malta International Airshow f’pajjiżna. Dan l-ispettaklu ta’ avjazzjoni mifrux fuq il-jumejn li ġejjin ser jibda bi spettaklu statiku fl-ajruport ta’ Ħal Luqa u jilħaq il-qofol tiegħu max-xatt tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar.
Għal dan l-avvenimenti ta’ avjazzjoni ser jieħdu sehem it-tim nazzjonali Żvizzeru tal-wiri tal-ajru Patrouille Suisse, kif ukoll il-Flying Bulls Display u r-Red Arrows li mistennija jkunu l-attrazzjoni ewlenija tal-programm ta’ din is-sena.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, u l-President tal-Malta Aviation Society Massimo Farrugia.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-Malta International Airshow minn dejjem kienet popolari kemm mad-dilettanti tal-avjazzjoni Maltin kif ukoll mat-turisti li jiġu jżuru pajjiżna matul ix-xahar ta’ Settembru. “Dan l-airshow huwa timbru li juri kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tassisti u tinċentiva varjetà ta’ avvenimenti li huma immirati li jolqtu kull tip ta’ faxxa u età b’mod ġenerali,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.​