Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard indirizza konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Berġa t’Aragona fejn ta’ ħarsa lejn l-iżviluppi li saru tul l-aħħar sena fil-qasam tal-ġustizzja, kif ukoll nieda l-ewwel fażi mir-riforma tal-Inkjesti Maġisterjal
Il-Ministru Attard spjega kif fil-jiem li ġejjin ser tkun qed toħroġ sejħa għal ħames maġistrati, erbgħa addizzjonali u ieħor biex jissostitwixxi lill-Maġistrat li ġiet elevata għal Imħallef. B’hekk il-Prim Imħallef ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-fakultà li jassenja erba’ Maġistrati biex jiffukaw fuq xogħol marbut mal-inkjesti maġisterjali. Il-Ministru kompla jgħid li b’konformità mal-programm ta’ ħidma ‘Malta Flimkien’, din ser tkun l-ewwel fażi tar-riforma, waqt li fi żmien li ġej ser tkun qed isir konsultazzjoni pubblika dwar riforma ħolistika fis-settur tal-inkjesti, li għandha tindirizza fost l-oħrajn l-aspett tal-kontabilità max-xogħol relatat mal-esperti u tassigura ħidma aktar sensibbli mal-qraba tal-vittmi.
Din is-sejħa issegwi proċess li għadu kif ġie konkluż fl-aħħar jiem bl-għażla ta’ tliet imħallfin ġodda, fejn illum għandna l-akbar numru ta’ membri ta’ ġudikatura fl-istorja. Il-Ministru Attard ħa l-opportunità jirringrazzja lil kull minn esprima l-interess f’din is-sejħa, waqt li awgura lil dawk magħżula. Il-Ministru għall-Ġustizzja tenna kif wara l-messaġġ tal-Prim Imħallef fis-sena forensi preċedenti, il-Ministeru beda ħidma biex it-talbiet u s-suġġerimenti jsiru miżuri ta’ ħidma. Il-Ministru Attard qal kif il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-miżuri, li jittrattaw tliet pilastri importanti li huma r-riżorsa umana, l-infrastruttura u r-riformi leġislattivi, ġew imwettqa.
Il-Ministru Jonathan Attard ta ħarsa dettaljata lejn il-ħidma li saret tul din is-sena fejn minn aspett ta’ tisħiħ ta’ riżorsa umana kien hemm żieda ta’ ħames imħallfin u żewġ maġistrati addizzjonali. Dan flimkien mal-ħaddiema li jikkumplimentaw il-ħidma ta’ kull ġudikant, li jinkludu fost l-oħrajn Avukati tal-Qorti, Assistenti Ġudizzjarji, Deputati Reġistraturi, Skrivana u Messaġġiera, biex issa t-total ta’ ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati jammonta għal 491.
L-infrastruttura kienet ukoll waħda mill-punti prinċipali. Dr Attard saħaq kif fi ftit xhur ġew inawgurati uffiċini ġodda għall-ġudikatura fil-binja prinċipali u anke beda x-xogħol fuq awla kriminali ġdida attrezzata għall-ġurijiet. Fil-Qorti tal-familja żdiedet awla addizzjonali, u sar xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ biex din il-binja tkun l-ewwel binja Grade A Energy fi ħdan l-aġenzija. Il-Ministru Attard kompla jgħid kif fl-aħħar xhur ġiet żblokkata l-isfida relatata mal-binja tal-Ferjol, fejn fiż-żmien li ġej mistenni jibda x-xogħol biex fl-aħħar din il-binja tiġi konvertita f’Qorti Kriminali. Filwaqt li l-proċess relatat mal-Preliminary Market Consultation u l-identifikazzjoni ta’ binja ġdida għall-Qorti t’Għawdex qed joqrob lejn l-aħħar fażi tiegħu.
Fejn jidħlu riformi leġislattivi, fl-aħħar sena tressqu aktar minn 18-il abbozz ta’ liġi fil-Parlament, u fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed jiġu preżentati numru sostanzjali oħrajn ukoll li ser jittrattaw diversi temi varji. Il-Ministru għall-Ġustizzja fakkar ukoll li qed isiru l-aħħar analiżi tas-sottomissjonijiet relatati mar-riforma fil-proċedura tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji biex din imbagħad tgħaddi għall-istadju parlamentari.
Il-Ministru temm jirringrazzja lill-Prim Imħallef, l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għad-djalogu kontinwu u b’saħħtu biex ikun assigurat li l-mixja lejn ġustizzja effiċjenti tkun waħda kontinwa.