“Ħtiega ta’ passi kontra l-Prim Ministru u Maġistrat” ADPD

Fi stqarrija illum 30 ta’Jannar 2023, iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Carmel Cacopardo jgħid li hemm ħtiega li jittiehdu passi kontra l-Prim Ministru u Maġistrat
Il-bieraħ il-Prim Ministru Robert Abela, f’diskors waqt attività politika ġie rappurtat li qal li “din il-ġimgħa tkellem ma’ Maġistrat li stqarret miegħu li meta jingħataw pieni ħorox, il-Qorti tal-Appell tnaqqas din il-piena.”
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Carmel Cacopardo jikkummenta li l-fatt li saret din il-laqgħa, anke jekk kienet waħda li seħħet b’kumbinazzjoni hu ta’ tħassib kbir. “Huwa inkwetanti li l-Prim Ministru jiltaqa’ ma Maġistrat, membru tal-ġudikatura, u jiddiskuti miegħu/magħha is-sentenzi li jingħataw mill-Qrati. Dan l-aġir hu ċensurabbli kemm fil-konfront tal-Prim Ministru kif ukoll fil-konfront tal-Maġistrat li l-identità tiegħu/tagħha, s’issa, mhiex magħrufa ” qal Cacopardo.
Finalment, Carmel Cacopardo ikkonkluda billi qal li hu jsejjaħ “lill-President tar-Repubblika biex kif inhu dmiru jlaqqa’ b’urgenza l-Kunsill għall-Ammistrazzjoni tal-Ġustizzja biex jittieħdu l-passi meħtieġa immedjatament.”