L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis tħabbar qafas regolatorju

F’konvenzjoni  organizzata mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) bit-tema ‘Setting the Standards’, ġie spjegat fid-dettall il-qafas regolatorju u l-linji gwida li bih l-awtorità se tkun qed toħroġ il-liċenzji ta’ assoċjazzjonijiet li se jkunu qed ifornu prodott magħmul mill-kannabis lill-membri tagħhom.
Fid-diskors li għamlet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, spjegat kif l-introduzzjoni tal-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis f’Malta, li daħlet fis-seħħ fl-2021, hija waħda mill-akbar riformi kuraġġużi ta’ dan il-gvern. Aċċennat li, “Din ir-riforma mhux qed toħloq niċċa ekonomika ġdida, iżda qed tindirizza dritt fundamentali ta’ eluf ta’ nies li jikkunsmaw il-kannabis, biex jagħmlu dan  mingħajr ebda stigma li kienet prevalenti għal tant u tant snin.”
Is-Segretarju Parlamentari saħqet li b’din il-liġi se jkunu qegħdin jattakkaw l-għeruq tas-suq illegali u t-traffikar fejn il-mottiv huwa l-qligħ tat-traffikant, bil-konsegwenza li qed twassal biex ikun hawn fis-suq kannabis imħallta li tista’ tipperikola l-ħajja ta’ dik l-persuna li tikkunsmaha. “L-impenn tagħna bħala gvern hu li noffru sors legali fejn persuni adulti jistgħu jużaw il-kannabis mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għal sorsi kriminali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC is-Sur Leonid Mckay saħaq li xogħol l-awtorità hu li tirregola dan is-settur bl-aqwa mod possibbli. Is-Sur McKay għamel aċċenn fuq l-importanza li din r-riforma tibqa’ tkun waħda li taspira biex ikun hemm ġustizzja soċjali ‘l bogħod minn kull forma ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-settur. Sostna li l-għan primarju ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet għandu dejjem jibqa’ dak tal-Harm and Risk Reduction u li jippromwovu l-interessi tal-membri tagħhom f’ambjent li jirrispetta d-drittijiet tagħhom, il-bogħod mill-perikli tal-kummerċjalizzazzjoni tas-suq.
Waqt din il-konvenzjoni ġew spjegati fid-dettall l-istandards tekniċi u l-mudell tal-operat li persuni interessati mistennija jilħqu sabiex jingħataw liċenzja mill-awtorità. Fost ir-regoli ewlenin hemm li kull assoċjazzjoni trid topera b’mudell li ma jagħmilx profitt, kull assoċjazzjoni trid tkabbar u tikkultiva l-prodott tagħha stess, mhuwiex se jkun permess ebda tip ta’ reklamar, kif ukoll li kull assoċjazzjoni ma tistax tkun viċin skola.
L-ARUC se toħroġ l-applikazzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzji ta’ assoċjazzjonijiet li ma jagħmlux profitt fit-28 ta’ Frar 2023.​