Id-Deputat Prim Ministru Fearne b’appelli b’saħħithom waqt laqgħat tal-Nazzjonijiet Magħquda għall-aċċess ugwali għas-saħħa għal kulħadd

L-aċċess ugwali għall-riżorsi tas-saħħa għall-pajjiżi kollha madwar id-dinja, irrispettivament miċ-ċokon tagħhom, kien il-messaġġ prinċipali li wassal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt diversi laqgħat tas-saħħa organizzati min-Nazzjonijiet Magħquda (UN) bħala parti mill-programm tal-Assemblea Ġenerali tal-istess organizzazzjoni internazzjonali.
Quddiem il-Ministri tas-Saħħa u l-Ambaxxaturi tal-Istati Membri, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għamel aċċenn dwar l-isfidi ta’ pajjiżi żgħar, bħal Malta, f’oqsma bħall-aċċess għall-mediċini effettivi, fejn uża din il-pjattaformi internazzjonali sabiex jaqsam soluzzjonijiet li jistgħu jegħlbu dawn l-isfidi. Il-Ministru Fearne appella għal sistemi ġodda tax-xiri tal-mediċini u t-tqassim tagħhom madwar id-dinja, kemm dawk innovattivi u kif ukoll għall-mediċini stabbiliti, li bħalissa pazjenti minn swieq żgħar, jew ekonomikament mhux b’saħħithom, isibuha diffiċli jaċċessaw. Huwa tkellem dwar l-inizjattiva li qed jieħu pajjiżna fix-xena Ewropea, fejn permezz ta’ sistema ta’ tabelli elettroniċi bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea, l-isfida tal-lingwa tista’ tkun solvuta darba għal dejjem. Il-Ministru Fearne għalhekk appella lir-regolaturi internazzjonali fl-oqsma tal-mediċini biex jinvestu f’inizjattivi simili, biex b’hekk jitjieb l-aċċess għall-mediċini madwar id-dinja kollha.
Bħala Ministru tas-Saħħa Malti, iżda wkoll bħala l-President tal-Assemblea Dinjija għas-Saħħa (WHO), il-Ministru Fearne tkellem ukoll dwar l-impatt fuq is-sistemi tas-saħħa li jħallu warajhom realtajiet bħall-gwerer, tibdil fil-klima u kif ukoll iż-żieda fir-resistenza għall-antimikrobji (AMR). Quddiem dawn ir-realtajiet, huwa appella għal tmexxija b’saħħitha fl-oqsma tas-saħħa, “Il-pajjiżi madwar id-dinja kollha jridu jkunu lesti jikkooperaw u jikkoordinaw bejniethom biex inkunu ppreparati għal dawn l-isfidi, u anke nipprevjenuhom fejn nistgħu, għaliex kif rajna waqt il-pandemija, virus kiefer f’pajjiż jew kontinent wieħed jista’ jaffettwa lid-dinja kollha.”
Waqt iż-żjara tiegħu fi New York, id-Deputat Prim Ministru kien ukoll mistieden imexxi diversi laqgħat prominenti, fost oħrajn dwar l-investiment meħtieġ fis-sistemi tas-saħħa wara l-pandemija, kif ukoll irrappreżenta l-Membri Stati Ewropej waqt diskussjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-ġlieda kontra t-tuberkulosi.
Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, nhar it-Tlieta d-Deputat Prim Ministru attenda avveniment organizzat mill-President tal-Istati Uniti, fid-dawl li l-Prim Ministru Robert Abela kien għadu impenjat b’xogħol f’Malta. Il-Ministru Chris Fearne kellu wkoll sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ Ministri tas-Saħħa tal-Olanda, l-Estonja, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Maldivi, kif ukoll mal-President tal-Assemblea Ġenerali tal-UN, Dennis Francis.​